Xogħol il-pustier jiswa mitqlu deheb. Matul iż-żmien sar progress f’dan il-qasam tant li xogħlu m’għadux kif kien dari.
F’dawn iż-zminijiet ta’ festi, One News reħielha lejn l-Uffiċċju ewlieni tal-MaltaPost fil-Marsa fejn iltqajna maċ-Chief Operating Officer is-Sur Adrian Vassallo li tana stampa ċara tax-xogħol li jkun qed isir fi żmien il-Milied. Tlabnieh jgħidilna jekk illum il-Maltin għadhomx jibagħtu kartolini tal-Milied.
Qal, “Għadhom jibagħtu imma sfortunatament l-ammont ta’ kartolini li qed jibagħtu naqas u kull sena jonqos mis-sena ta’ qabel, li hija ħasra għax jekk xi ħadd jirċievi kartolina, din għandha valur aktar milli meta tirċievi messaġġ jew sms, fuq il-mowbajl per eżempju. Għax int peress li tkun tibgħat card, dak li jkun jidher li kien hemm ħsieb warajha u li inti dak li jkun mort oltre minn just bgħattlu message biex tawguralu għaż-żmien il-Milied.”
Sibna għadd ta’ ħaddiema għaddejjin bix-xogħol tagħhom. Uħud kienu qed jagħżlu l-pakketti li kienu għadhom kif waslu minn barra minn Malta mill-ajruport skont l-inħawi li jridu jitqassmu f’Malta.
Bħala parti mill-proċess, isir l-iscanning, biex l-oġġetti fil-pakketti ikunu traċċabbli ħalli l-klijenti jkunu jafu fejn wasal. Is-Sur Vassallo spjegalna li llum il-ġurnata, il-pakketti ta’ daqs kbir jiġu mqassma b’vannijiet apposta filwaqt li l-pakketti iżgħar jitqassmu mill-pustier.
Stqarr, “Kif għedna l-kartolini qed jonqsu, l-ittri qed jonqsu imma issa qed jiżdiedu l-pakketti allura x-xogħol tal-pustier inbidel maż-żminijiet fejn issa qed iqassam iktar pakketti milli kien qabel . Għalhekk lill-pustiera aħna qed nipprovdulhom vettura biex ikunu jistgħu iqassmu l-ittri fejn qabel kienu jqassmu bil-mixi jew bil-mutur issa qed nipprovdulhom vettura li tista ġġorr iktar pakketti.”
F’dan il-perjodu tas-sena, il-ħidma tkun kbira tant li l-ħaddiema jaħdmu ħinijiet twal saħansitra sa tard billejl biex il-konsumatur ikun moqdi aħjar.
Qal, “Aħna nissuġerixxu li hekk hemm nies li ħa jixtru online rigal tal-Milied, dan isir kemm jista jkun kmieni preferibbilment fil-Black Friday jew Cyber Monday biex ix-xogħol jilħaq jasal Malta u nkunu nistgħu nipproċessawh u nqassmuh. F’dawn iż-żminijiet ix-xogħol jiżdied. Il-ħaddiema tagħna jaħdmu ħinijiet addizzjonali u anki jdumu sa tard billejl biex jissortjaw u jipproċċesaw ix-xogħol u anki biex iqassmu u allura aħna napprezzaw li kieku x-xogħol jiġi ħafna qabel il-Milied biex jasal fi żmien il-Milied.”