Il-Partit Nazzjonalista qed ikompli bil-kampanja ta’ qerq u miżinformazzjoni tiegħu biex jagħmel l-akbar ħsara possibbli lil pajjiżna billi jibqa’ jattakka l-programm taċ-ċittadinanza b’investiment.
Mindu għaxar snin ilu daħal fis-seħħ dan il-programm, il-pajjiż daħħal biljun u erba’ mitt miljun ewro.
Fuq l-istazzjon tar-radju NET FM, il-kandidat Nazzjonalista u preżentatur Dione Borg mhux biss ta ċifra ħażina dwar kemm daħħal pajjiżna mill-programm, iżda wkoll ħoloq dubju dwar kemm verament daħlu dawn il-flus.
“Il-Prim Ministru qed jgħid li l-pajjiż iggwadanja xi biljun ewro. Issa jien xi jgħid il-Prim Ministru … Le”.
Dione Borg, Preżentatur u Kandidat tal-PN
Il-kandidat Nazzjonalista ħoloq ukoll dubju dwar kemm verament qed isiru proġetti bil-flus miġburin mill-programm taċ-ċittadinanza b’investiment.
“U qed jgħidilna li tgħidx kemm għamel proġetti bihom, tajjeb jgħidilna liema huma però …. imma jgħidilna …. jgħidilna ara dawn il-proġett saru minn hawn”.
Dione Borg, Preżentatur u Kandidat tal-PN
ONE News ġabar id-dettalji tal-proġetti, li diġà bbenefikaw u li għadhom qed jibbenefikaw minn finanzjament grazzi għall-programm taċ-ċittadinanza b’investiment.
Il-maġġoranza assoluta tal-flus li daħlu marru fil-Fond Soċjali tal-iżvilupp Nazzjonali, l-NDSF, li mbagħad jiġu amministrati biex jintużaw fuq numru kbir ta’ proġetti.
Fost il-proġetti kbar mgħejjuna permezz ta’ dawn il-fondi hemm dak tal-binja ta’ Puttinu Cares fil-qalba ta’ Londra, maħsuba biex toffri akkomodazzjoni b’xejn lil min ikollu bżonn jitla’ għall-kura medika. Fil-fatt, Puttinu Cares ingħataw ħames miljun ewro minn dawn il-fondi.
Għaqda oħra li utilizzat dawn il-fondi hi l-Hospice Malta li, permezz ta’ disa’ miljun ewro, fetħet l-ewwel kumpless għall-kura paljattiva f’pajjiżna f’Santa Venera biex mal-elf u ħames mitt pazjent jingħataw kura b’dinjità.
Dan il-kumpless ġie inawgurat f’Jannar li għadda u preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm saħansitra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, li issa ħareġ jikkundanna l-programm taċ-ċittadinanza.
Il-Caritas ukoll għamlet użu mill-programm b’investiment ta’ miljun ewro fl-uffiċini ċentrali tagħha fil-Blata l-Bajda fejn jingħataw, fost oħrajn, servizzi lil bosta persuni bil-vizzji u bi sfidi ta’ saħħa mentali. Minbarra hekk, ħames mija u erbgħin elf ewro oħra marru għand il-Caritas għal investiment fiċ-ċentru tagħha f’San Blas.
Il-Fondazzjoni Richmond, min-naħa tagħha, ibbenefikat minn seba’ mitt elf ewro għal proġett biex ikunu mgħejjuna tfal bi problemi emozzjonali.
Ma’ dawn u b’investiment ta’ kważi 70 miljun ewro, sar jew qed isir xogħol fuq madwar 600 appartament ta’ housing soċjali f’aktar minn għoxrin lokalità.
Permezz ta’ erbatax-il miljun ewro oħra sar u qed isir investiment f’ħamsin klinika u tmien ċentri tas-saħħa.
Miljun u sitt mitt elf ewro ġew identifikati għal CT scanner f’San Vincenz de Paul u kważi miljun ewro oħra għad-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei.
Il-Gvern ukoll iddedika ħames miljun ewro oħra lil SportMalta għat-tħejjija tal-atleti Maltin għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li saru fl-2023.
Aktar minn tlettax-il miljun ewro ġew allokati għat-trakka tal-motorsport f’Ħal Far u disa’ miljuni oħra ngħataw lill-MFA għall-iżvilupp tal-Grawnd Nazzjonali f’Ta Qali.
Bil-kampanja li għamel u għadu qed jagħmel kontra l-programm taċ-ċittadinanza b’investiment, permezz ta’ esponenti bħal Roberta Metsola, David Casa, Simon Busuttil, Jason Azzopardi, Karol Aquilina u Robert Aquilina, għall-Partit Nazzjonalista dawn il-proġetti kollha ma kienu qatt jitwettqu.