Esponenti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista rreaġixxew bi qrusa għall-aħbar li l-istat se jkun qed jgħaddi għotja ta’ €5 miljun lil Puttinu Cares għal proġett ġdid ta’ appartamenti f’Londra.
Ilbieraħ filgħodu l-poplu sebaħ kuntent għall-aħbar li mal-ġenerożità tiegħu kien hemm l-istat ukoll li rrikonoxxa l-ħidma kbira ta’ Puttinu u ta wkoll l-impenn tiegħu favur dan il-proġett. Iżda, dan xejn ma niżel tajjeb ma’ esponenti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista b’mod partikolari d-deputati Simon Busuttil, Beppe Fenech Adami u Jason Azzopardi li użaw il-midja soċjali biex jattakkaw din l-għotja u tefgħu lil Puttinu Cares f’nofs dibattitu partiġjan.
Kien il-Prim Ministru Joseph Muscat li ħabbar il-Ġimgħa filgħaxija li l-Gvern se jkun qiegħed jipprovdi €5 miljun mill-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment.
Waqt intervent telefoniku l-Prim Ministru qal li wara li l-Gvern tkellem mal-Fond għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, li jamministra l-flus li jidħlu mill-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, il-Gvern se jkun qed jikkontribwixxi biex jekk hu possibbli din is-sena jitwettaq il-proġett ta’ bini ta’ appartament ġewwa l-qalba ta’ Londra.
Qal li waqt li l-kura f’Malta qed tiżdied bħal fil-każ tal-mard tal-qalb xorta jibqa’ l-bżonn li nibagħtu Maltin u Għawdxin barra minn xtutna għall-kura speċjalizzata ta’ tipi ta’ kanċer fi sptarijiet ta’ reputazzjoni dinjija ġewwa Londra. Spjega li dan isir permezz ta’ ftehim li l-Gvern Malti għandu u se jibqa’ jkollu mal-Gvern Ingliż fejn għandna numru ta’ pazjenti li jirċievu trattament b’xejn u wara li jinqabeż in-numru miftiehem il-Gvern iħallas għall-kumplament tal-pazjenti.
Il-Prim Minsitru qal li Puttinu jaħdem id f’id mal-Gvern biex jipprovdu għajnuna kruċjali lil ħafna familji li jkunu jafu meta telgħin għall-kura iżda ma jkunux jafu meta neżlin. Qal li waqt li din l-għajnuna tiswa l-flus, din hija spalla kbira għal dawn il-familji u simbolu tanġibbli ta’ solidarjetà. Qal li minkejja li din il-kura tiswa għexieren ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro min-naħa tal-Gvern li tingħata b’xejn, u minkejja li issa l-Gvern qed iħallas il-passaġġ taż-żewġ ġenituri, xorta għad fadal ħafna xi jsir.
Iżda, dan l-ispirtu pożittiv ma damx ma nkiser. Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi sejjaħ l-għotja ta’ €5 miljun mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali lil Puttinu Cares bħala insult.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni mmexxija minn Adrian Delia sejjaħ dan il-ġest bħala insult għax skont hu l-flus li se jiffinanzjaw dan il-proġett ta’ fejda kbira ġejjin mill-kriminalità. Dan anke jekk il-programm li minnu ġejjin il-fondi hu approvat mill-Kummissjoni Ewropea u mill-elettorat Malti li reġa’ tah vot ta’ fiduċja f’Ġunju li għadda. Però ma kienx biss Azzopardi li ħareġ jattakka din l-għotja u saħansitra l-produzzjoni tal-programm Xarabank. Miegħu kien hemm David Thake u Andrew Borg Cardona. Filwawt li Beppe Fenech Adami, magħruf għad-diskorsi aggressivi u konfrontattivi tiegħu, ukoll qal li ħassu “insultat u diżgustat.”
“Anke Totò Riina, ir-re tal-mafja fi Sqallija kien jagħmel ħafna karità bil-flus ġejjin mill-kriminalità,” qal Beppe Fenech Adami li kellu jaqbel miegħu lil Simon Busuttil. “Naqbel 100% ma’ Beppe,” kiteb Simon Busuttil.
Intant, b’reazzjoni għal din l-għotja Dr Victor Calvagna, uffiċjal ta’ Puttinu Cares, irringrazzja lill-Prim Ministru, lill-Gvern u lill-uffiċjali kollha fl-uffiċċju tal-Prim Ministru tal-għajnuna li taw lil Puttinu. Din l-għotja mhix iżolata, bil-Gvern diġà żied servizzi ġodda għall-pazjenti morda bil-kanċer fosthom mediċini li għalihom kienu jitħallsu eluf kbar ta’ ewro.