Deputati Nazzjonalisti, ewlenin fosthom Mark Anthony Sammut, Karol Aquilina, u Beppe Fenech Adami, ipprovaw jirredikolaw lill-Ministru Jo Etienne Abela u lis-Segretarju Parlamentari Chris Bonnett għax, mid-dikjarazzjoni li kull membru tal-Kabinett jagħmel kull sena fil-Parlament, jirriżulta li jgħixu fil-kera minflok ma għandhom proprjetà immobbli tagħhom.
Fis-seduta tal-lejla, id-deputat Mark Anthony Sammut saħansitra uża ton sarkastiku u staqsa jekk jirċevux il-benefiċċji soċjali jew applikawx għall-akkomodazzjoni soċjali.
F’kitba fuq il-paġni tagħhom fuq il-Facebook wara s-seduta, iż-żewġ membri tal-Kabinett urew li wieħed m’għandux min xiex jistħi li jkun joqgħod f’post mikri.
Il-Ministru Joe Etienne Abela irrimarka li jidher li għall-PN, li tgħix fil-kera huwa xi tip ta’ diżunur. “Jiena nemmen li kulħadd jgħix kif jagħżel. Jien kuntent b’li għandi. La qatt kont kiesaħ u fastidju lil ħadd qatt ma tajt. Min iħoss li għandu jiżżufjetta bija għax nikri, bħal ħafna oħrajn, jagħmel hu,” kiteb il-Ministru.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett spjega li hu joqgħod f’appartament bil-kera minħabba ċirkostanzi li s’issa ma ppermettewlux li jixtri dar għalih u għal familtu. Irrimarka li “huwa diżgustanti u tal-mistħija l-atteġġjament tal-PN li għal darb’oħra wera li jippreferi jagħmel attakki personali fuq min bħali … ġej minn familja tal-ħaddiema.