Il-membri tal-PN fil-Parlament Ewropew ivvotaw favur riżoluzzjoni dwar it-taxxi fl-Unjoni Ewropea li tgħid ċar u tond li għandha titneħħa regola tal-unanimita’ tal-istati membri tal-UE biex tittieħed deċiżjoni b’maġġoranza kwalifikata dwar il-politika tat-tassazzjoni. B’hekk tkun tista’ titwettaq l-armonizzazzjoni tat-taxxi fl-Ewropa li tmur kontra l-interessi ta’ Malta. Dan qalu Alfred Sant fil-programm REALTÀ fuq PBS li żvela li fit-13 ta’ Diċembru 2017 tal-PN ivvotaw favur ir-rizoluzzjoni tat-TAXE Committee fil-vot finali. Klawżola li daħlet f’din ir-rizoluzzjoni tgħid li l-vot ta’ unanimita’ għandha dwar il-politika tat-tassazzjoni għandha titneħħa.
“Mill-membri tal-Partit Popolari Ewropej David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech ivvutaw favur l-armonizzazzjoni tat-taxxi.” qal Alfred Sant lil Franċis Zammit Dimech, li kien qed jirrapreżenta lill-PN fil-programm televisiv. Zammit Dimech ma għamel l-ebda reazzjoni.
Alfred Sant qal li d-Delegazzjoni tal-Partit Soċjalista Malti ivvotat kontra din ir-Riżoluzzjoni.
“Veru illi l-grupp soċjalista huwa favur l-armonizzazzjoni tat-taxxa u veru wkoll illi parti sostanzjali tal-PPE jaqblu magħhom fuq din il-ħaġa. Waħda mill-ipokriżiji illi għadu kemm daħal għaliha Dr Zammit Dimech hija din – li effettivament hu wkoll jaqbel mal-armonizzazzjoni tat-taxxa għax fit-13 ta’ Diċembru tat-2017 ivvota favur riżoluzzjoni dwar it-taxxi b’rakkomandazzjoni mill-Parlament Ewropew illi tgħid ċar u tond li għandha titneħħa regola tal-unanimita’ biex imbagħad jiddeċiedu b’maġġoranza kwalifikata. B’hekk Zammit Dimech, Casa u Metsola ivvotaw favur l-armonizzazzjoni tat-taxxi. Aħna, tal-partit Soċjalista – jien, Miriam Dalli, Marlene Mizzi konna l-uniku tlieta mis-Soċjalisti li vvotajna kontra. Mill-popolari – intom ivvotajtu iva u kien hemm tlieta, erba’ ivvotaw kontra fosthom iċ-Ċiprijott Lefteris Christoforu u kien hemm anki Brian Hayes, Eks Ministru tal-Finanzi Irlandiż li astjena. Intom ivvotajtu favur. U frankament din it-tip ta’ ipokreżija lili ddejjaqni. Għidu fejn qegħdin, kunu ċari fejn qegħdin. Mhux imbilli tgħidu li s-Soċjalisti Ewropej jaqblu mal-armonizzazzjoni. Aħna – il-grupp Malti fost is-Soċjalisti ngħidu LE.”
Alfred Sant qal li l-MEPs tal-PN kienu parteċipi fil-mod kif qed jitnawwar il-Parlament Ewropew dwar investigazzjonijiet dwar governanza tal-istati membri tal-UE. Sant qal li l-governanza tal-pajjiżi hija importanti skont il-prinċipji u l-valuri tal-UE. Imma kull investigazzjoni trid tkun xi ħaġa oġġettiva, ma tridx tkun xi ħaġa partiġġjana, maħduma u maħsuba.
Frans Timmermans, Viċi President tal-KE induna li kienet logħba partiġġjana tal-PN, logħba li qed tintlagħab fuq diversi pajjiżi, li fiha l-PN kien parteċipi.
“Meta ġiet d-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew biex tinvestiga s-saltna tad-dritt f’Malta kien hemm Roberta Metsola li b’mod partiġġjan irranġat minn taħt kif ikunu l-arranġamenti bħala koordinatriċi tal-Partit Popolari Ewropew. Kontu tafu lil fejn sejrin. Il-poplu Malti ma jixraqlux dawn id-double games. Double games li fihom minn barra tidhru sbieħ mingħalikom u minn ġewwa tkunu qed tgħawru l-interessi ta’ Malta. Jew kif jista’ jkun li jkun hemm Casa li qiegħed id f’id ma’ min qiegħed imexxi affarijiet biex jiġi jindaga lil pajjiżna? Dawn l-affarijiet mhumiex aċċettabbli.” qal Alfred Sant.