Il-Kroazja tpoġġiet fil-lista l-griża waqt il-plenarja tal-FATF.
Il-FATF qal li l-pjan ta’ azzjoni tal-Kroazja jinkludi l-valutazzjoni tar-riskji assoċjati mal-użu ħażin ta’ persuni ġuridiċi u ta’ arranġamenti legali, kif ukoll tal-użu ta’ flus kontanti fil-qasam tal-proprjetà immobbli.
Ingħad li ma hemmx biżżejjed mekkaniżmi mill-Gvern tal-Prim Ministru Kroat Andrej Plenković biex jikkumbattu l-ħasil ta’ flus.
Plenković imexxi l-partit tal-konservattivi f’pajjiżu, li huwa msieħeb fil-Partit Popolari Ewropew, il-familja politika msieħeb fiha l-Partit Nazzjonalista ta’ Malta.
Quddiem dan l-aħħar żvilupp tal-Partit Nazzjonalista fl-EPP, jiġifieri Roberta Metsola u David Casa ma lissnux kelma.
Kontra Malta Metsola u Casa kienu ħambqu kemm felħu, b’Roberta Metsola kienet qalet kontra pajjiżna anki fl-istituzzjoni Ewropea li tippresiedi.
Hija kienet tkellmet fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna anki jekk sa riċentament, il-Kummissjoni Ewropea qalet li Malta se jkollha fost l-ogħla tkabbir ekonomiku fl-Ewropa bl-inqas rata ta’ qgħad.
Għall-Kroazja iżda l-istorja hija differenti, hekk kif Metsola mhux biss hi siekta talli sa erbat ijiem ilu kienet fil-kapitali Kroata Zagreb tiltaqa’ ma’ Plenkovic u l-Gvern tiegħu.
Intant dwar Malta, l-FATF kienet qalet li l-Gvern tal-Prim Ministru Robert Abela għamel riformi b’saħħithom u kif f’sena, pajjiżna lesta l-pjan ta’ azzjoni maqbul mal-FATF.
Qalet ukoll li Malta tinsab f’pożizzjoni aktar b’saħħitha sabiex tiġġieled il-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.
Fil-fatt pajjiżna kien deskritt bħala storja ta’ suċċess.
Dan anki fis-settur tas-servizzi finanzjarji hekk kif skont rapport tal-MFSA li ħareġ din il-ġimgħa, ġiet innutata s-saħħa qawwija f’dan il-qasam li kiber b’aktar minn 4% f’termini ta’ valur miżjud fl-ekonomija u f’sena, ir-rata ta’ ħaddiema f’dan is-settur b’impjiegi ta’ kwalità, kiber b’26%.