Kelliema uffiċjali tal-għaqda Occupy Justice li jippriedkaw u jħabbtu fuq sidirhom f’ġieħ il-governanza u l-kontabilità tajba ħarbu milli jwieġbu dwar allegazzjonijiet serji li saru fuqhom u filwaqt li ma ċaħdux dak li qed jintqal fuqhom, infexxew jitkellmu ħażin.
Fl-aħħar sigħat whistleblower stqarret li hija eks membru f’dan il-grupp u rriżenjat wara li ntalbet tiġbor fondi waqt attivitajiet tal-Occupy Justice fosthom waqt vġili li jsiru għal Daphne Caruana Galizia.
Il-whistleblower sostniet li eluf ta’ ewro li qed jinġabru mingħajr ma jingħata rendikont ta’ xejn huma frott ta’ azzjoni illegali.
Żiedet tistaqsi jekk hemmx politiċi jew partit politiku li qed jagħti donazzjonijiet kbar ta’ flus f’envelops indirizzati lil Occupy Justice.
“Occupy Justice suppost tiġġieled il-koruzzjoni u tisħaq fuq is-saltna tad-dritt iżda imbagħad hi stess qed tikser il-liġi”, sostniet il-whistleblower li stqarret ukoll li fix-xahar jinġabru mas-sitt elef ewro, mingħajr ħadd ma jaf fejn qed imorru dawn il-flus.
Il-whistleblower semmiet ukoll is-sieħba ta’ Simon Busuttil, Kristina Chetcuti li qalet li hija minn ta’ quddiem biex tħeġġeġ lill-membri ta’ Occupy Justice biex jgħinu.
Minn stħarriġ li għamel one news jirriżulta li Occupy Justice mhumiex irreġistrati mal-Kummissjoni għall-Għaqdiet Volontarji.
Dr. Anthony Abela Mediċi, il-Kummissarju għall-għaqdiet mhux governattivi żied jgħid li huwa obbligu li l-għaqdiet jirreġistraw inkella jkunu qed jiksru l-liġi.
Fid-dawl ta’ dan kollu u l-fatt li Occupy Justice allegatament qed tiġbor il-flus b’mod illegali, l-Erbgħa filgħaxija tlabna reazzjoni mingħand Pia Zammit, il-kelliema tal-Occupy Justice.
Lil Pia Zammit erġajna ċempilnilha l-Ħamis fejn tajniha iżjed ċans tagħrbel l-allegazzjonijiet serji fuq l-operat tal-għaqda li tagħmel parti minnha.
Hija ma ċaħditx li l-Occupy Justice qed tiġbor il-flus iżda jekk xejn ħarġet ir-rabja u l-frustrazzjoni tagħha hekk kif infexxet titkellem ħażin.
Dan l-istazzjon tkellem ukoll ma’ Sammi Davis, membru ieħor tal-Occupy Justice li semmiet il-whistleblower iżda dan prova jfarfar.
M’għaddietx nofs minuta mit-telefonata li dan l-istess Sammi Davis, li l-ewwel ġab skuża li ma jistax iweġibna għax hu msiefer biddel il-verżjoni u minflok qalilna li hu m’għandux x’jaqsam.
Dawn id-dikjarazzjonijiet tal-Occupy Justice huma meqjusa bħala surreali għax filwaqt li jisħqu tant fuq it-trasparenza, fuq rashom issa għandhom allegazzjonijiet serji ta’ attivitajiet illegali fosthom ġbir ta’ flus li ħadd ma jaf fejn qed imorru.