Ilbieraħ tnediet is-seba’ edizzjoni tal-Malta Fashion Week, liema avveniment huwa ddedikat għall-moda permezz ta’ programm mifrux fuq seba’ t’ijiem. Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici indirizza l-avveniment u saħaq li din il-ġimgħa saret parti mill-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna.
Il-Ministru qal li l-Malta Fashion Week qiegħed dejjem iżid fil-popolarità u saħaq li l-kultura u d-dinja tal-moda jmorru id f’id. Owen Bonnici qal li l-Malta Fashion Week hija importanti ħafna għall-artisti u disinjaturi għax toffrilhom opportunità li jesponu x-xogħol tagħhom u jwasslu l-ħsibijiet kreattivi tagħhom quddiem udjenzi lokali u internazzjonali.
Il-Ministru Bonnici kompla billi qal li fl-istess waqt dan l-avveniment jagħti lit-talent lokali opportunità ta’ networking. Dan mhux biss iressaq artisti lokali flimkien, iżda jagħqad ukoll artisti barranin ma’ dawk Maltin. Huwa qal li l-Malta Fashion Week tagħqad artisti b’fama internazzjonali ma’ dawk l-artisti żgħar li għadhom fil-bidu tal-karriera tagħhom, u permezz ta’ kollaborazzjoni sħiħa mal-organizzaturi l-artisti jirnexxielhom iwasslu l-viżjonijiet tagħhom lill-pubbliku.
Il-Ministru kellu kliem ta’ kuraġġ u tifħir għal dan l-avveniment. Huwa appella lill-artisti kollha, speċjalment lil dawk li għandhom il-ħolma li jiksbu suċċess f’dan il-qasam tal-moda, sabiex ma jaqtgħux qalbhom u jemmnu fihom infushom.
Owen Bonnici kompla billi qal li sfilati bħall-Malta Fashion Week huma mezz ta’ cultural exchange, fejn din is-sena Malta se tkun qed tikollabora mas-Serbja, fejn pajjiżna se jkun qed jaqsam il-kultura tiegħu ma’ pajjiż ieħor li fih iż-żewġ pajjiżi jitgħallmu minn xulxin, u jitgħallmu japprezzaw kulturi oħrajn.
Il-Ministru kompla jgħid li “l-moda hija arti imma llum l-arti u l-kultura huma wkoll job creators— parti integrali mill-ekonomija ta’ pajjiżna, b’mod li sa ftit tas-snin ilu lanqas konna naħsbu li huwa possibbli”.
Il-Ministru għalaq billi rringrazzja lil kull min b’xi mod jew ieħor ta l-għajnuna tiegħu biex tiġi mtella’ ġimgħa daqshekk impenjattiva, u awgura lil kull artist, disinjatur u kwalunkwe parteċipant ieħor, suċċessi fil-karriera tagħhom u ħeġġeġ sabiex jiksbu suċċessi kemm għalihom bħala artisti u kemm għal pajjiżna.