Is-sidien tal-Mistra Village, sit li fuqu ħareġ avviż ta’ infurzar biex jew il-post jitwaqqa’ jew jittranġa, ukoll appellaw minn din id-deċiżjoni tal-Awtoritá tal-Ippjanar. Kien il-ġimgħa li għaddiet li ittieħdet din id-deċiżjoni fil-konfront tas-sidien ta’ dan il-post u tal-lukanda Jerma.
Żewġ kumplessi li għal snin twal servew bħala sors ta’ divertiment u akkomodazzjoni għal turisti li tul is-snin żaru pajjiżna.mPeró, maż-żmien, l-investituri li xtrawhom biex fuqhom jagħmlu proġetti li jmorru lil hinn minn dak li kienu jipprovdu oriġinarjament sabu diffikultajiet biex jiżviluppaw il-post kif xtaqu.
Biex is-siti spiċċaw mitluqa, abbandunati u saħansitra perikolużi.
Kien dan li wassal biex inħarġu l-avviżi ta’ infurzar bis-sidien tal-Mistra wkoll jappellaw minnu ftit tal-jiem qabel jiskadu s-16-il jum li matulhom kellhom jieħdu azzjoni. Jirriżulta, li l-awtorità, li qed tieħu dawn il-każi b’serjetà kbira se titlob lit-Tribunal biex jiddeċiedi dawn it-tip ta’ appelli b’urġenza.