Fuq programm imxandar fuq l-istazzjon Smash preżentat minn Darren Marmara, id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo nfexx jattakka l-vouchers tal-mitt ewro li taw injezzjoni qawwija fl-ekonomija u tant familji u negozji gawdew minnhom.
Edwin Vassallo qal li dawk li sejħilhom kuppuni, huma tal-mistħija.
“Dan huwa pajjiż li spiċċajna b’ekonomija li ħafna nies fin-negozju saru jiddependu u jieħdu r-ruħ, jekk il-Gvern jagħti l-kuppuni, le din tal-mistħija.” Qal Vassallo.
Vassallo kompla jattakka l-vouchers li ngħataw bħala parti minn sett ta’ miżuri f’ċirkostanzi bla preċedent li laqtu d-dinja kawża tal-imxija.
Edwin Vassallo qal, “Aħna għandna ekonomija ta, li ġibniha tiddependi issa mir-ration, tiddependi mill-kuppuni.”
Id-deputat Nazzjonalista kompla juri l-oppożizzjoni tiegħu għal vouchers.
Hu kompla jinsisti, “Illum niddependu mill-kuppuni.”
Fil-programm Vassallo kompla jkun negattiv u anki jekk il-Gvern baqa’ jgħin fil-ħlas tal-pagi u qed jissusidja l-kontijiet tad-dawl u jgħin fil-kirjiet tan-negozji, għal Edwin Vassallo l-Gvern ma ħażinx għal meta ġejna fil-bżonn.
Hu qal, “Ma ħxiżinniex għal meta niġu fil-bżonn.”
Vassallo, li f’siegħa programm spikkat in-narattiva negattiva tiegħu, qal li l-ġid telaq.
Vassallo qal, “Ħsibna li dak il-ġid li ħloqna kien superflu, telaq, mingħalina aħna li konna qed noħolqu l-ġid.”
Saħansitra qal li l-Partit Laburista ma jeżistiex.
“Ħa nkun fair jeżisti l-Gvern Laburista però ma jeżistiex Partit Laburista.” Temm jgħid Edwin Vassallo.