Il-Professur Ray Fabri, lingwista u President tal-Kunsill tal-Malti, qal li jħossu dispjaċut li l-Kunsill tal-Malti ma kienx ikkonsultat meta Facebook ġie biex fassal il-verżjoni tiegħu bil-Malti. Kien fl-aħħar jiem li l-moħħ wara Facebook, Mark Zuckerberg, ħabbar li l-Facebook kien se jkun b’iktar lingwi, fosthom bil-Malti.
Fil-programm Pjazza, il-Professur Fabri żied li din mhux l-ewwel darba li ġrat u kien hemm drabi fejn ir-riżultati kienu diżatrużi. “Ma konniex nafu biha qabel. Sirt naf biha mill-gazzetti.
Hija ħaġa li sfortunatament issir spiss. Din ġrat anke meta Microsoft żviluppaw ‘spell checker’ tal-Malti u ma kienu qalulna xejn. Irriżulta li kien diżastruż,” qal il-Professur Fabri li fisser kif dakinhar kellmu l-Microsoft u tranġaw l-affarijiet.