Is-sajf li għadda l-Festival Internazzjonali tal-Arti ta’ Malta organizza l-akbar spettaklu tat-triq f’Malta. Kien hemm ’il fuq minn 2,500 ruħ li attendew u l-pjazez kienu miżgħuda bin-nies jistennew lil….tal-linja. Uħud ġew bis-siġġijiet, oħrajn poġġew fl-art u oħrajn baqgħu bilwieqfa viċin l-atturi.
L-ispettaklu ta’ Sean Buhagiar, B’Tal-Linja Jaqbillek Żgur! dar mal-ħames reġjuni tal-gżejjer Maltin u sar l-ewwel proġett tat-teatru reġjonali minn mindu ġew stabbiliti l-ħames reġjuni. Il-Kalkara, Birkirkara, il-Mellieħa, is-Siġġiewi u ż-Żebbuġ Għawdex kienu l-pjazez ixxurtjati. Din id-darba, l-ispettaklu se jerġa’ jsir waqt iċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali tal-karnival.
L-udjenza għandha titpaxxa bit-talent tal-kast meraviljuż u ferrieħi hekk kif tal-linja maġika tidħol fil-pjazza u timlieha bid-duħħan u l-bżieżaq. Il-kast, immexxi mill-kantanta u attriċi veterana Mary Rose Mallia, jagħti eżekuzzjoni enerġetika ta’ 50 minuta. Bla dubju, Mary Rose Mallia hija dik li se tisraq l-ispettaklu. “Naħseb li Mary Rose Mallia għandha talent straordinarju. Kemm jien u kemm Simon kuntenti bil-kbir li se jkollna lilha tmexxi tal-linja. Madankollu, il-kast kollu huwa tassew eċċezzjonali!” qal Buhagiar. L-ispettaklu magħmul minn kast tal-ġenn fosthom Clive Piscopo, Ronald Briffa, Jamie Cardona, Gilbert Formosa, Marilù Vella, Andre’ Mangion, Leigh-Ann Abela u Josette Ciappara.
Dan il-grupp ġie maħluq permezz ta’ programm ta’ teatru soċjali. Saru għadd ta’ awdizzjonijiet fl-iskejjel u fi gruppi tad-drama fl-irħula. Ħafna mill-atturi magħżula għandhom repertorju ta’ drammi tal-passjoni, spettakli fl-irħula u purċissjonijiet. Il-grupp huwa mmexxi minn atturi nisa tal-esperjenza bħal Christine Francalanza u Alison Abela. Buhagiar jemmen li, “Dan għandu jagħti iktar valur lill-proġett. Minn barra li jagħti divertiment bil-kbir, dan huwa wkoll proġett tal-komunità, proġett soċjali u proġett reġjonali bit-tama li jwassal għal iktar demokratizzazzjoni tat-teatru lokali.”
Il-kunċett huwa sempliċi. Karozza tal-linja Maltija antika tasal fil-pjazza. L-udjenzi tal-karnival se jiġu msaħħra bl-ilwien, bil-kant, bin-nar, bil-kummiedji u ħafna iktar. L-ispettaklu huwa wkoll interattiv u se jinvolvi l-udjenza. Il-kaptan tal-karozza tal-linja – Mary Rose Mallia – tagħżel xi nies minn fost l-udjenza sabiex jitilgħu fuq tal-linja wkoll. Simon Bartolo kiteb skritt bi stil differenti fejn adattata l-ironija tiegħu għat-teatru tat-triq u s-surrealiżmu. L-iskritt jittratta kwistjonijiet soċjali wkoll bħalma huma l-ambjent, il-lingwa, ir-reliġjon u l-politika.
Buhagiar, li qed jidderieġi u jipproduċi l-ispettaklu qal, “Wara s-suċċess ta’ dan is-sajf, aħna kburin bil-ħeġġa kbira li ntweriet sabiex jerġa’ jittella’ l-ispettaklu. It-teatru tat-triq u l-karnival għandhom ħafna ħwejjeġ komuni x’jaqsmu. Il-kast huwa entużjast ħafna li jerġa’ joħloq l-karattri kkuluriti tiegħu u nafu li l-udjenza tal-karnival se jieħdu gost ferm bl-ispettaklu.”
Dan il-proġett ġie kofinanzjat minn FOPSIM permezz tal-proġett EU Collective Plays! iffinanzjat minn Creative Europe Programme tal-Unjoni Ewropea. L-ispettaklu se jsir is-Sibt fil-25 ta’ Frar fid-9pm fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta matul il-Karnival Uffiċjali ta’ Malta u l-Ħadd, fis-26 ta’ Frar fit-3pm fuq il-Palk tal-Karnival fir-Rabat matul il-Karnival Uffiċjali ta’ Għawdex.