Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija fost oħrajn, fil-gżira tat-tliet għoljiet tnediet kampanja li l-għan tagħha hija li tkompli tiżdied il-viżibilità tal-preżenza ta’ persuni LGBTIQ f’Għawdex.
Bit-temi “L-imħabba ma tafx ġeneru” u “Qalbna miftuħa għad-diversità ta’ wliedna”, din il-kampanja se twassal żewġ messaġġi prinċipali, li l-familji jieħdu diversi forom u li dawn kollha għandhom jiġu milqugħa u ċċelebrati u li l-ulied għandhom jiġu aċċettati ta’ dak li huma, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru tagħhom.
Dan il-messaġġ se jkun qed jitwassal permezz ta’ erba’ karozzi tal-linja f’Għawdex waqt li għaddejjin bir-rotot tagħhom madwar il-gżira.
Waqt din it-tnedija, il-Ministru għall-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis enfasizza kif il-Gvern se jkompli jippromovi l-ugwaljanza filwaqt li l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fakkar kif f’Għawdex kienet ġiet iċċelebrata l-ewwel Unjoni Ċivili u jeħtieġ nagħrfu u niċċelebraw id-diversità li teżisti anke fil-gżira Għawdxija.