L-Uffiċjali tal-Kunsilli Lokali li jagħtu servizz liċ-ċittadini ser ikunu qed jingħataw taħriġ speċjali sabiex ikompli jitjieb is-servizz li jingħata liċ-ċittadini u dawk kollha li jiġu bżonn is-servizzi tal-kunsilli lokali. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo waqt it-tnedija tat-tieni edizzjoni tal-Premju Segretarju Eżekuttiv.
Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Buontempo faħħar ix-xogħol li jwettqu s-Segretarji Eżekuttivi fil-Kunsilli Lokali, fejn huwa sejħilhom bħala l-Kap Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali f’ kull lokalità. Buontempo aċċenna għall-bżonn li jkompli jitjieb is-servizz mogħti lir-residenti, filwaqt li jiġi assigurat l-aqwa użu tar-riżorsi mogħtija lill-Kunsill Lokali biex b’hekk jsir xogħol li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti, filwaqt li jsir xogħol ta’ kwalità.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo rringrazzja lil ANSEK għal din l-inizjattiva sabiex jiġi rikonoxxut ix-xogħol siewi li jsir mis-Segretarji Eżekuttivi. Huwa qal li din l-inizjattiva qed tippremja lil dak is-Segretarju Eżekuttiv li permezz ta’ ħidmietu jkun spikka u jkun ta’ eżempju, l-istess ħidma tiegħu awtomatikament tħalli riżultati pożittivi kbar fuq is-servizz liċ-ċittadini.
“Tajjeb li nippremjaw lil min ikun innovattiv u kreattiv f’xogħlu, lil min jaċċerta li l-Kunsill tiegħu qiegħed isegwi l-liġijiet u r-regolamenti, lil min ikun qiegħed jirnexxielu jżomm l-armonija fil-Kunsill, lil min jara kif jagħmel biex itejjeb is-servizzi lill-pubbliku” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Buontempo.
Waqt l-intervent tiegħu, il-President tal-ANSEK Paul Gatt qal li ħafna drabi ftit japprezzaw ir-responsabbiltà kbira u l-isfidi li jħabbat wiċċu magħhom ta’ kuljum kull Segretarju Eżekuttiv fil-Kunsilli Lokali.