Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal fil-Parlament li l-Gvern qed jieħu passi permezz ta’ emendi fil-Kodiċi Ċivili biex dawk li qegħdin imexxu kummerċ minn entità kummerċjali permezz ta’ sullokazzjoni (sub-letting) ma jispiċċawx barra wara l-aħħar ta’ Mejju.
Il-Ministru Bonnici qal li l-abbozz huwa wieħed tekniku u huwa importanti għax jolqot il-liġijiet tal-kera antiki li jolqtu l-ħwienet u entitajiet kummerċjali.
Huwa qal li dan l-abbozz jipprovdi eżerċizzju ta’ bilanċ. Il-ħwienet iż-żgħar huma importanti kemm għas-soċjetà kif ukoll għall-ekonomija u għas-servizz lill-pubbliku.
Il-Gvern iħoss li ma jistax ipoġġi lil kulħadd f’keffa waħda u jgħid “Kulħadd barra!”. Il-Gvern qed juri sostenn għal kull min huwa involut, għall-ekonomija, għall-familji u għall-kummerċjant iż-żgħir li ilu ssir juża l-ħanut biex jagħti servizz u jmantni lill-familja tiegħu.
Waqt li jirrispetta d-dritt tas-sid u d-dritt tal-inkwilin li jkun għamel sullokazzjoni, il-gvern irid li s-sub-inkwlin ikollu ċerti drittijiet.
Wara li ta spjega dwar kif kienet kontrollata l-kera fl-aħħar mitt sena, il-Ministru qal li l-Att tal-2009 introduċa r-regime tal-kirjiet tad-djar u l-ħwienet tal-lum, li pprovda li fejn fond kummerċjali kien ġie sollokat mingħajr il-kunsens tas-sid, dik is-sullokazzjoni tintemm fl-aħħar ta’ Mejju ta’ din is-sena.
L-abbozz jipproponi seba’ emendi biex is-sullokatur ma jispiċċax barra u s-sid u l-kerrej ikunu wkoll protetti. Id-deċizjonijiet jittieħdu mill-Bord tal-Kera li huwa presjedut minn Magistrat.