Is-sidien tal-irziezet tal-ħut jinsabu tista’ tgħid nofs triq filproċess biex ikunu konformi mad-dikjarazzjoni li għamlu f ’Settembru li għadda dwar rilokazzjoni għal dik li tissejjaħ is-South East Aquaculture jew żona oħra approvata. Rilokazzjoni li trid issir sa Mejju ta’ din is-sena. Is-sajf li għadda kien wieħed li nissel rabja kbira fost il-pubbliku Malti fid-dawl li fdalijiet tal-għalf mill-irziezet tal-ħut niġġsu l-ibħra Maltin.
L-awtoritajiet aġixxew billi ħadu azzjoni diretta u ħarxu l-liġijiet. Saħansitra l-Awtorità tal-Ippjanar irrevokat għaxar permessi lil dawk li ma kinux qed iżommu mal-kundizzjonijiet. Iżda, fost l-iktar meqjusa importanti kien hemm il-ftehim tad-19 ta’ Settembru 2016 fejn l-operaturi tal-irziezet tal-ħut iffirmaw dikjarazzjonijiet dwar it-tneħħija talgaġeg illegali mis-siti rispettivi tagħhom sal-aħħar ta’ Diċembru.
Kien permezz ta’ dan ilftehim li sar l-impenn ukoll tar-rilokazzjoni. Mitluba tgħid fiex waslet din ir-rilokazzjoni, l-Awtorità qalet li “skont informazzjoni miġbura mill-Awtorità, Malta Mariculture Ltd u AJD Tuna Ltd huma konformi mad-dikjarazzjoni. Fish and Fish Ltd battlu l-gaġeg illegali però dawn għadhom iridu jiġu rilokati. MFF Ltd għadhom iridu jbattlu u jirrilokaw gaġġa waħ- da tat-tonn,” qalet l-Awtorità fi tweġiba li turi kif l-operaturi jinsabu tista’ tgħid nofs triq jew ftit aħjar.
L-Awtorità għamlitha ċara li l-operaturi huma obbligati li jimxu mad-dikjarazzjonijiet li ffirmaw. “Iż-żewġ operaturi li għadhom mhux kompletament konformi mad-dikjarazzjoni huma soġġetti għal multi għal kull ġurnata, u multi amministrattivi skont avviżi maħruġa mill-Awtorità fl-14 ta’ Settembru 2016, liema avviżi huma wkoll soġġetti għall-appelli mill-operaturi rispettivi,” qalet l-Awtorità ftit qabel jibda staġun sajfi fejn il-pubbliku qed jittama li ma terġax tirrepeti s-sitwazzjoni tas-sena l-oħra.
L-industrija tal-irziezet tal- ħut għandha sehem importanti għall-ekonomija Maltija, iżda l-Gvern xorta waħda ħass li għandu jdaħħal tariffi ġodda u liġijiet iktar iebsin bil-għan li jinħoloq il-bilanċ bejn il-ħtieġa tal-ekonomija u tal-ambjent.