Fl-aħħar jiem, dawk migduma fil-każ tal-Fantasy Tours bdew jieħdu lura flushom. Tkellmu magħna dwar dan persuni li fis-sajf 2013 kienu fost dawk milquta meta din l-aġenzija tal-ivvjaġġar falliet u huma spiċċaw tilfu flushom u l-btala li kellhom maħsuba. Dakinhar kienu mgħarrfa b’dan b’sempliċi SMS.
B’intervent tal-Awtorità Maltija Kompetizzjoni u l-Konsumatur fuq talba tal-Awtorità tat-Turiżmu kienu ipproċessati madwar 470 talba biex il-persuni migduma f’dan il-każ jieħdu flushom lura. U l-proċess intemm b’mod pożittiv tant li ċ-ċekk ġabruh mill-bini tal-istess awtorità fl-aħħar jiem. Kien hemm ammonti li jvarjaw minn madwar €200 għal saħansitra eluf ta’ ewro bl-ikbar talba tkun ta’ €5,000.
“Mort ġbart iċ-ċekk u bqajt sejra għand l-aġenzija tal-ivvjaġġar nibbukkja l-btala li tlift dakinhar. Kelli €900 x’nieħu u ħadthom kważi kollha,” qalet persuna li tkellmet magħna barra l-bini tal-MTA meta fl-aħħar jiem stennejna u tkellimna ma’ persuni li ħadu din ir-rifużjoni.
“Xorta waħda kont mort vaganza imma taf int ladarba dawn il-flus kont qtajt qalbi minnhom qisu naturali tagħmel kapriċċ bihom,” qaltilna persuna oħra li fakkret fid-diżappunt meta fis-sajf ta’ tliet snin ilu kienu mgħarrfa li l-btala li faddlu għaliha ma kinetx se ssir.
Il-każ ta’ Fantasy Tours serva wkoll bħala tagħlima tant li llum twaqqaf fond biex jilqa’ f’każi bħal dawn. Il-fond għandu nofs miljun ewro u qed jikkontribwixxu fih l-operaturi fil-qasam tal-ivvjaġġar.