Omajco Cleaners u Eximus Services ġew ordnati iħallsu €15,000 f’danni lill-kumpanija Easylife. Il-Qorti ordnat dan il-kumpens wara li nstabu ħatja li kisru d-dritt tal-proprjetá intelletwali wara li użaw il-kliem ‘Easy Life’ fuq moppijiet u kaxxi tal-bramel li kienu qed ibiegħu.
Il-kawża nfetħet mill-kumpanija Easylife fl-2010, meta ntebħu li Omajco Cleaners u Eximus Services kienu qed ibiegħu prodotti li mhumiex tal-Easylife u li huma ta’ kwalitá inferjuri bil-kliem Easylife fuq il-kaxxa. Il-kumpanija Easylife li ilha tbiegħ prodotti f’pajjiżna għal dawn l-aħħar sittax-il sena, hija stabbilitá f’Malta u għalhekk dawn il-prodotti ħolqu konfużjoni fost il-konsumaturi.
Peter Caruana, s-sid tal-kumpanija Easylife, qal li klijenti li kienu xtraw dawn il-bramel u moppijiet kienu marru għandu hekk kif kienu difettużi u riedu li ssir t-tiswija meħtieġa u rifużjoni mill-istess kumpanija hekk kif ħasbu li l-prodott kien qed jinbiegħ mill-Easylife.
Caruana spjega li kawża ta’ dawn il-moppijiet u bramel difettużi, il-pubbliku ħaseb li l-moppijiet u l-bramel li tbiegħ din il-kumpanija kienu tal-istess kwalitá u għalhekk il-bejgħ naqas drastikament. Huwa sostna li kieku ż-żewġ kumpaniji rispettivi ma kienux użaw l-isem tal-kumpanija tiegħu, EasyLife kienet tibqa’ tagħmel il-qliegħ ta’ €14,106 minn fuq il-prodotti simili li jbiegħ.
Min-naħa tiegħu d-Direttur tal-Omajco Cleaners, Anthony Vella, spjega li dawn il-bramel u moppijiet ġew bil-kliem ‘Easy Life – makes housework much easier’ miċ-Ċina u fil-Qorti ġab il-provi ta’ dan. Fid-difiża tal-kumpanija huwa sostna li min-naħa tiegħu biegħ il-kaxxa kif tiġi impurtata lill-klijenti.
Il-Qorti ddeċidiet li kienu nkisru d-drittijiet tal-proprjetá intelletwali fid-dawl li l-kliem ta’ fuq il-kaxxa kien l-istess. Il-Qorti ordnat lil Omajco Cleaners u Eximus services iħallsu għad-danni.