Ir-rappreżentanti tal-unjin tal-Cabin Crew telqu l-barra minn laqgħa dwar il-ġejjieni tal-Air Malta li kienet qed issir fil-Ministeru tat-Turiżmu.
Illum, f’żewġ laqgħat separati, fil-ħdax ta’ filgħodu u fit-tlieta ta’ wara nofsinhar rispettaviment, il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis laqa fil-Ministeru tiegħu ir-rappreżentanti tal-Union of Cabin Crew (U.C.C.) li hi l-unjin li tirrapreżenta l-interessi tal-cabin crew fi ħdan l-AirMalta.
Dawn id-diskussjonijiet saru bħala parti minn sensiela ta’ laqgħat mal-unjins li jirrapreżentaw ħaddiema f’oqsma differenti tal-AirMalta.
Peró l-Union of Cabin Crew tat avviż ta’ tilwima industrijali lil AirMalta li tiġi fis-seħħ f’nofs il-lejl fl-20 ta’ Awwissu, 2016.
Il-Ministru tat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis, qal li kif mexxa ilbieraħ mal-unjin tal-piloti ALPA, il-Gvern serraħ ras bil-miktub lill-unjin dwar it-talbiet tagħhom sakemm jintlaħqu il-miri ta’ produttivita’, effiċjenża u flessibilita’ li huma tant kruċjali sabiex il-linja tal-ajru tingħata nifs ġdid u futur li jkun kummerċjalment vijabli. “Sadanittant, mingħajr ma taw l-ebda spjegazzjoni, l-istess membri tal-kumitat tal-U.C.C. qabdu u telqu ‘l barra mill-laqgħa,” qal Zammit Lewis.
Tenna li l-Gvern irid jagħmilha ċara li filwaqt li jibqa’ dejjem miftuħ għal diskussjoni, jiddeplora l-aġir irresponsabbli tal-istess membri tal-kumitat tal-U.C.C. li jafu li kwalunkwe azzjoni industrijali fl-għeqel tas-sajf tista’ twassal għal hsara irreparabli.
“Il-Gvern jemmen ukoll li dan l-aġir irresponsabbli lanqas jagħmel gieħ lil impjegati li huma jirrapreżentaw. Il-Gvern ser jieħu l-mezzi kollha neċessarji sabiex ma jħalli lil ħadd jagħmel ħsara lill-linja nazzjonali tal-ajru għad-detriment tal-istess ħaddiema tagħha, tal-industrija tat-turiżmu u lill-ekonomija inġenerali tal-pajjiż,” qal Zammit Lewis.
Il-Ministru kien akkumpanjat għal din il-laqgħa mill-President Emeritus Dr George Abela u mic-Chairperson tal-Airmalta Maria Micallef.