Michael Camilleri, magħruf bħala “Tal-Bżar”, ta’ 41 sena minn Ħal Qormi ngħata sentenza sospiża ta’ ħabs wara li fil-Qorti ammetta li saq ġo għal ġo residenza u kkaġuna ħsara volontarja fi propjetà fin-Naxxar.
Quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech, il-Prosekuzzjoni spjegat li minn investigazzjonijiet preliminari irriżulta li r-raġel allegalament saq il-karozza tal-għamla Mercedes, f’grada ta’ residenza fi Triq Santa Klara, fin-Naxxar, nhar l-Erbgħa li għadda.
F’dak il-ħin, ġewwa r-residenza kien hemm żewġ irġiel u tlett nisa.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha minħabba li dakinhar ġew anke sparati diversi tiri. Madankollu, l-Ispettur Joseph Mallia, ikkonferma li t-tiri ma kinux sparati minn Camilleri.
L-allegati vittmi huma Keith u Joseph Bezzina, li qalu li kien propju l-akkużat li daħal fil-propjetà tagħhom.
Kien l-istess Michael Camilleri li ta ruħu b’idejh lill-pulizija fl-għassa ta’ Ħal Qormi, li kkopera mal-pulizija tant li ħadhom fuq il-post fejn kien qiegħed iżomm il-vettura.
Fil-Qorti, l-Ispettur Mallia qal li l-karozza kellha diversi ħsarat, bil-bonnet tal-karozza kien mimli tiri ta’ arma tan-nar.
Wara li semmgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti ippresseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, sabet lil Camilleri ħati u kkundannatu sena ħabs sospiżi għal tliet snin. Huwa ġie mmultat ukoll €3,000 u anke ġie ordnat iħallas il-ħsarat lill-allegat vittma, fi żmien 6 xhur, filwaqt li anke skwalifikatlu l-liċenzja tas-sewqan għal 3 xhur.