Esponent ieħor tal-fazzjoni tal-Blue Heroes, li tiddetta l-Kap Bernard Grech x’għandu jagħmel, qalet li l-Partit Nazzjonalista għandu jeħles mill-eks Kap Adrian Delia.
Fuq Twitter, Godfrey Leone Ganado saħaq “Rid off Delia”, eħles minn Delia.
Ganado, li kiteb favur li Bernard Grech isir Kap tal-Partit Nazzjonalista u li jitqaċċat Adrian Delia, anki kien mar barra l-Palazz ta’ Sant’Anton meta d-Deputati tal-Blue Heroes marru għand il-President ta’ Malta biex ipoġġu lil Therese Comodini Cachia bħala Kap tal-Oppożizzjoni flok Delia.
Fl-aħħar jiem, wara l-ġlied li nqala’ bejn Comodini Cachia u Delia fuq il-kawża tal-libell li fetaħ tal-aħħar fuq artiklu tas-sit Lovin Malta, tal-Blue Heroes qed jagħmlu pressjoni biex Delia jitqaċċat darba għal dejjem u saħansitra lanqas ikun kandidat Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Il-Kap Bernard Grech baqa’ ma ddefendiex lil Adrian Delia fuq l-allegazzjoni rrappurtata mil-Lovin Malta, li fuq is-sit għad għandu kontroll enormi l-istrateġista tal-Kap innifsu, Chris Peregin.
Il-Lovin Malta rrappurtat li waqt dibattitu parlamentari, Delia kien f’kuntatt dirett mal-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, wara li sar magħruf li n-negozjant huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black.
Delia ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u fetaħ libell u fuq l-aħħar ġlied li nqala’ anki rriżenja mill-Partit Nazzjonalista, alleat ewlieni ta’ Delia, André Grech.
André Grech qal li ma jiflaħx jibqa’ f’partit fejn tirrenja l-mibegħda wara li l-Kap Bernard Grech ma ħax azzjoni fil-konfront ta’ Comodini Cachia li qalgħet dan il-kjass kollu iżda l-Kap ċanfar lil Delia fuq flokkijiet li libbsu s-sostenituri tiegħu waqt attività fuq il-Fosos lejlet l-Indipendenza.
Għar-riżenja t’André Grech, tar-Repubblika ferħu u qalulu jagħlaq il-bieb warajh u ma jazzardax jerġa’ jibdilu u fuq dan l-iżvilupp, il-Kap Bernard Grech obda lil ta’ Repubblika u rema lil wieħed ta’ Delia, b’tal-Blue Heroes u Repubblika ħarġu sodisfatti kif weġibna l-Kap.
Ġurnalist: “Din il-ġimgħa telaq André Grech. Għaliex qed jitilquk daqstant nies fil-Partit Nazzjonalista?”
Bernard Grech: “Min irid jaħdem għall-ġid ta’ pajjiżna jista’ jibqa’.”