Il-luzzu tipiku Malti u s-salib tal-kavallieri ta’ San Ġwann kienu fost it-tajr li spikkaw jidwu mas-sħab fil-għoli tal-Indja, wara li dilettant Malti tat-tajr irrappreżenta lil pajjiżu waqt festival fl-istat ta’ Gujarat.
Thomas Abdilla rrappreżenta lil Malta waqt il-32 Festival Internazzjonali tat-Tajr. Din ma kinitx l-ewwel darba li rrappreżenta lil pajjiżna f’dan l-avveniment fejn it-tajr jiġu ddisinjati u maħduma minnu stess.
Dan il-festival kien mqassam fuq sitt iijiem u kkonsista fi tliet gruppi ta’ parteċipanti minn pajjiżi differenti madwar id-dinja. Din is-sena dan il-festival kiseb ukoll il-Guiness World Record b’68 pajjiż differenti jgħollu t-tajr flimkien.
F’kumment ma’ ONE News, dirett mill-istat ta’ Gujarat, Thomas Abdilla tenna li l-passjoni tiegħu hija li jiddiżinja tajr b’temi Maltin u ta eżempju ta kif jagħmlu waqt dan il-festival grandjuż li għalih jattendu mijiet ta’ dilletanti u eluf ta’ spetatturi kull sena.
“Ġejna xi desgħin kilometru minn fejn konna, ġejna bil-coaches, il-bqija jien inħobb indaħħal ħafna s-simbolu ta’ Malta kif fil-fatt qed taraw għandi s-salib ta’ Malta imbagħad għandi oħrajn li huma bil-luzzu u affarijiet relatati ma’ Malta. Ħa ntajru ħa naraw kif immorru.”
Dan il-festival kien mistenni ferm wara sentejn b’nuqqas minħabba l-pandemija u Thomas tenna li kienet ta’ unur li jista’ jitla’ f’pajjiż daqsekk meraviljuż biex juri t-talent tiegħu.