Fiż-żjara li għamel fil-lokalità tal-Mosta, il-Prim Ministru Robert Abela żar ukoll il-Każin tal-Banda ta’ Santa Marija.
Dan ftit ġranet wara li ġie ffirmat konvenju biex ġie salvat dan il-każin tal-banda fil-qalba ta’ din il-lokalità.
Hawnhekk Dr Abela iltaqa’ mal-amministrazzjoni ta’ din l-għaqda mużikali, kif jixhed filmat li ttelgħa fuq il-paġna uffiċjali tal-Prim Ministru fuq Facebook.
Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li l-Gvern ta kelma li jgħin is-soċjetajiet mużikali, li kienu taħt theddida u dik il-kelma qed iżommha.
Huwa sostna li l-Gvern imexxi minnu jemmen fil-valur kulturali u soċjali ta’ dawn is-soċjetajiet, li meta jżurhom jibqa’ mmeraviljat bit-talent u l-attiviżmu taż-żgħażagħ fi ħdanhom.
Il-Gvern għaddej b’ħidma biex isalva l-postijiet minfejn joperaw l-għaqdiet mużikali, li huma parti integrali mill-festa Maltija.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-ġimgħa l-oħra, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal li l-Gvern għamel żewġ konvenji ma’ għaqdiet mużikali oħra f’Raħal Ġdid u Tas-Sliema, u għaddejja aktar ħidma mill-Gvern biex ikunu ssalvagwardjati aktar każini tal-banda.