Xhieda ta’ attakk f’child care centre fit-Tajlandja irrakkontaw mal-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters li talbet lill-aggressur għall-ħniena waqt li kien qed iseħħ l-attakk.
Mill-inqas 37 persuna nqatlu fl-attakk fil-Grigal tat-Tajlandja. Fost il-mejta hemm aktar minn 20 tifel u tifla, uħud minnhom li kellhom biss sentejn.
Xhieda li qalu li raw lill-attakkant jersaq lejn iċ-ċentru fejn it-tfal kienu rieqdin. Iżda minkejja li rawh, ħasbu li kien xi ġenitur jew qarib li ried jiġbor lit-tfal tiegħu. Minflok, kien armat b’pistola u sikkina.
Ir-raġel, Panya Khamrab, eks uffiċjal tal-Pulizija , qatel lilu nnifsu u lill-familja tiegħu waqt li l-pulizija kienet qed tfittxu. Huwa tkeċċa mill-korp tal-pulizija aktar kmieni din is-sena u kien għaddej ġuri fuq akkużi ta’ abbuż mid-droga.
Iċ-ċentru normalment jaċċetta 92 tifel u tifla, iżda x-xita qawwija u l-fatt li xarabank li kellha twassalhom ġarrbet xi ħsarat, fissret li kienu preżenti biss 24 tifel u tifla.
Il-Prim Ministru Prayuth Chan-ocha ordna investigazzjoni urġenti dwar l-attakk u ta l-kondoljanzi lill-familji tal-vittmi.