Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fakkar li r-rati l-ġodda kif imħabbra fil-budget għas-sena 2017 kienu effettivi mill-ewwel Sibt tas-sena, jiġifieri mis-7 ta’ Jannar.
Għalhekk, is-Sibt 7 ta’ Jannar ħarġu l-pagamenti marbutin mal-pensjoni tal-età, li hi pensjoni mhux kontributorja, kif ukoll pagamenti marbutin mal-pensjoni ta’ diżabilità. F’dan l-ewwel pagament ta’ din is-sena, il-benefiċjarji kollha tħallsu bir-rata l-ġdida li tinkorpora ż-żieda tal-għoli tal-ħajja, bl-erba’ ġimgħat bil-quddiem, skont kif imħabbar fid-diskors tal-budget għal din is-sena.
Kif kien tħabbar ukoll, issa bdiet ir-riforma fil-pensjoni għal diżabilità li qed titħaddem fuq tliet livelli, skont id-diżabilità tal-individwu. Dawn huma:
L-ewwel livell – Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa;
It-tieni livell – Assistenza għal Diżabilità Severa; u
It-tielet livell – Assistenza għal Diżabilità.
Dawk kollha li kienu qed jibbenifikaw minn pensjoni ta’ diżabilità, awtomatikament kollha nħarġilhom pagament fit-tieni livell bħala Assistenza għal Diżabilità Severa. Naturalment, għal min jista’ jkun intitolat għal Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa fl-ewwel livell, għandha tinġabar applikazzjoni minn xi uffiċċju distrettwali jew mill-website tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali http://socialpolicy.gov.mt/ fejn hemm id-dettalji kif għandha timtela l-applikazzjoni.
Assistenza oħra ġdida u li għaliha hemm bżonn li timtela wkoll applikazzjoni hija l-Assistenza għal Diżabilità. Din għandha timtela minn min għandu paraliżi totali jew malfunzjoni gravi b’kawża ta’ amputazzjoni jew mod ieħor ta’ riġel jew driegħ wieħed, li sas-sena l-oħra ma kinux jikkwalifikaw iżda minn din is-sena jistgħu jikkwalifikaw.
Fl-1 ta’ Jannar 2017 ġiet introdotta wkoll ir-riforma fil-Pensjoni tal-Wens u l-Għajnuna Soċjali għal Carers. Għaldaqsant, kif tħabbar fil-Budget 2017, il-Pensjoni tal-Wens issa bdiet tissejjaħ Allowance Miżjuda għal Carers, u l-Għajnuna Soċjali għal Carers bdiet tissejjaħ Allowance għal Carers. Fiż-żewġ ċirkostanzi l-pagament żdied u l-parametri ta’ eligibilità ġew imsaħħa. Bħal fil-każ tal-Assistenzi għal Diżabilità, l-applikazzjonijiet jistgħu jinġabru minn xi uffiċċju distrettwali jew mill-website http://socialpolicy.gov.mt.
Għandha timtela wkoll applikazzjoni għall-Għajnuna Supplimentari li għall-ewwel darba se titħallas lil dawk li huma single u mhumiex kapijiet ta’ familja, jaħdmu, u d-dħul tagħhom ma jaqbiżx id-€9,012. L-applikazzjoni jrid ikollha magħha l-FS3 ta’ kull impjieg li l-persuna kellha matul is-sena 2016, jew il-Kontijiet tal-Qligħ jew Telf (Profit and Loss Accounts).
Benefiċċju ieħor li hemm bżonn li timtela applikazzjoni għalih huwa l-Benefiċċju għal Waqt l-Impjieg (In-Work Benefit). Dan il-benefiċċju jitħallas kull tliet xhur b’lura u l-applikazzjoni wkoll irid ikollha magħha l-FS3 ta’ kull impjieg li l-persuna kellha matul is-sena 2016 jew il-Kontijiet tal-Qligħ jew Telf (Profit and Loss Accounts). Ta’ min jgħid li barra li r-rata ta’ benefiċċju ta’ kull wild żdiedet, il-parametri għal dan il-benefiċċju wkoll żdiedu b’dan il-mod:
Familja b’ġenitur wieħed u j/taħdem minn €15,000 żdied għal €16,500;
Familja bil-ġenituri t-tnejn jaħdmu minn €20,400 żdied għal €24,000;
Familja fejn xi ħadd mill-ġenituri j/taħdem minn €13,000 żdied għal €16,500.
Fl-aħħarnett, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jixtieq jinforma lill-pubbliku li l-ewwel pagamenti ta’ din is-sena tal-Pensjonijiet Kontributorji wkoll se jitħallsu bir-rati l-ġodda u bl-arretrati taż-żidiet imnizzla hawn:
Pensjoni tal-Irtirar fl-14 ta’ Jannar li tinkludi ġimgħa arretrati;
Pensjoni tar-Romol fil-21 ta’ Jannar li tinkludi ġimagħtejn arretrati; u l-
Pensjoni tal-Invalidità fit-28 ta’ Jannar li tinkludi tliet ġimgħat arretrati.