Il-Membru Parlamentari Ewropew Maltija Dr Josianne Cutajar qalet li filwaqt li qed niddiskutu l-prezz tal-petrol u d-diesel, il-mira tal-pajjiż għandha tkun li s-sorsi tal-enerġija li nużaw ikunu aktar nodfa.
Dan qalitu fid-dawl taż-żieda ta’ 5ċ li minn dan ix-xahar ‘l quddiem se nkunu qed naraw fil-prezzijiet tal-fuel. Cutajar qalet li filwaqt li tifhem lil min jgħid li żieda bhal din tagħmillu differenza, l-enerġija bbażata fuq ż-żejt tiddependi fuq suq volatili li faċilment iħalli impatt fuq il-prezzijiet tal-fuel.
L-aktar ħaġa importanti, fi kliemha, huwa li t-tir tal-Gvern li jżomm ir-rati fl-aktar livelli baxxi possibbli għadu qed jintlaħaq. Filfatt, il-konsumaturi Maltin u Għawdxin għadhom igawdu minn prezz tal-fuel irħas mill-medja Ewropea.
“Jekk irridu ntejbu l-kwalità tal-arja u magħha ta’ ħajjitna, is-sorsi tal-enerġija jridu jinbidlu u jsiru aktar nodfa,” enfasizzat Cutajar.
Hija fakkret kif fl-aħħar snin, il-pajjiż għamel qabża kbira ta’ kwalità meta fil-ġenerazzjoni tal-elettriku qaleb għall-użu tal-gass mill-Heavy Fuel Oil. Issa wasal iż-żmien li nħarsu lejn metodi tat-trasport aktar effiċjenti u nodfa, u fuq kollox li jekk nibqgħu nużaw vetturi privati, dawn jkunu jikkawżaw l-inqas ħsara ambjentali possibbli.
Proprju l-ġimgħa l-oħra, fil-Parlament Ewropew Dr Cutajar talbet lill-Presidenza Finlandiża għal aktar kjarezza dwar il-politika li se timbotta fil-qasam tat-trasport marittimu, qasam kruċjali għal pajjiżna.
F’diskussjoni oħra li trattat it-turiżmu sostenibbli, Cutajar enfasizzat il-ħtieġa li nindirizzaw l-akbar sorsi tat-tniġġis relatati mal-qasam turistiku, jiġifieri l-mezzi tat-trasport tal-massa, u kif dawn jeħtieġu regolamenti moderni u iktar sensittivi għall-ambjent.
Josianne Cutajar temmet b’appell sabiex minflok ma nillimitaw id-dibattitu għal kwistjoni ta’ prezz, inħarsu lejn l-istampa l-kbira u niddiskutu bis-serjetà bidliet sostanzjali għalina lkoll.