Huwa tajjeb li jkun hemm tiġdid fil-Partit Laburista, iżda l-partit m’għandu jinsa lil dawk li ilhom fil-Partit.
Għadda dan il-messaġġ il-Kap Eżekuttiv il-ġdid tal-Partit Laburista Leonid McKay, fl-attività politika f’San Pawl il-Baħar.
Qal, “Tajjeb li niġġeddu, tajjeb li jkun hemm uċuħ ġodda, jiena wieħed minnhom, tajjeb li jkun hemm vuċijiet ġodda, ideat ġodda, iżda fl-istess ħin, importanti ħafna li l-partit ma jinsa qatt lil ħafna u ħafna persuni li kienu qegħdin u għadhom qegħdin mal-Partit Laburista.”
Spjega kif fl-aħħar ġimgħat, il-partit tkellem ma’ bosta persuni, fosthom delegati.
Qal, “Smajna, l-ewwel u qabel kollox, li l-partit hemm bżonn li jinfetaħ iktar għal kulħadd. Smajna li kemm jista’ jkun inkunu awto-kritiċi u ma niddejqux li jkun hemm il-kritika. Smajna li dawn li qed jikkritikawna għandhom ikollhom post ċentrali, anki fil-partit. Smajna wkoll li l-partit għandu jieħu deċiżjonijiet kuraġġużi, li mhux dejjem huma neċessarjament in line mal-ħidma li jkun qed jagħmel l-istess Gvern.”
Intqal li biex ikun hemm partit ħaj irid ikun hemm diskussjoni dwar affarijiet li jolqtu lin-nies ta’ kuljum, fosthom il-ħaddiema barranin.
Qal, “U jien bħala Kap Eżekuttiv, ħa nkompli bla dubju ninvestu, mhux biss li naraw l-amministrazzjoni, il-finanzi, il-proprjetà, imma wkoll il-ħsieb politiku tal-Partit Laburista jkompli jasal u jolqot il-vera bżonnijiet tal-Maltin u l-Għawdxin.”