F’intervista fuq ir-radju, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żbalja l-fatti bażiċi dwar tlieta mill-ftit temi li tkellem dwarhom. Qal dan il-Partit Laburista permezz ta’ stqarrija.
Dwar il-faqar qal li żdied meta naqas, staqsa jekk inħatarx xi ħadd imexxi l-fond tal-IIP meta dan ilu li nħatar żmien u staqsa fejn hu s-surplus meta dan jirriżulta minn statistika lokali u ewropea.
Il-PL qal li tkun tajjeb li Adrian Delia jibda jiċċekja l-fatti qabel jitkellem u jibda jgħid il-verità.
Fil-fatt Delia u d-deputat Jean Pierre Debono kkonfermaw kif Adrian Delia ma kellux pjan għal kif se jsib postu fil-parlament qabel kien elett. Dan minkejja li fil-kampanja lit-tesserati kien qalilhom li kien hemm soluzzjoni misjuba.
L-istqarrija temmet tgħid li b’hekk il-ħatra ta’ Delia bħala kap twieldet b’gidba. Gidba kkonfermata minn dak ikkundannat mill-Kummissjoni Elettorali tal-istess partit li tant ma felħitx iktar li rriżenjat kollha.