Is-sempliċi twiddiba u n-nuqqas t’azzjoni fil-konfront ta’ Jason Azzopardi wara li ammetta li l-grupp ta’ Yorgen Fenech ħallaslu kamra f’lukanda lussuża f’Tel Aviv ma waslitx b’kumbinazzjoni.
Imkejjen fid-Dar Ċentrali qalu lil ONE News li l-establishment Nazzjonalista, li issa reġa’ għandu r-riedni tal-Partit Nazzjonalista, ried jagħmel ċert li Jason Azzopardi jkollu triq faċli quddiem il-Kummissjoni Etika u Mġiba.
Miegħu Jason Azzopardi ħa lil David Thake, anki jekk dan tal-aħħar mhux avukat.
Qabel eżatt beda s-smigħ tal-każ, Jason Azzopardi mal-ewwel ried itajjar lil Jean Karl Soler, wieħed minn ħames membri f’din il-Kummissjoni Etika tal-Partit Nazzjonalista.
Jean Karl Soler huwa magħruf li hu tal-fazzjoni Adrian Delia u allura kien maħsub li kien se jagħti tumakka lil Jason Azzopardi biex iġibu f’postu ta’ kemm ħadem kontra Delia u għen bi sħiħ biex jitwarrab Delia u Bernard Grech isir Kap.
Dwar dan, anki David Thake xehed fuq dan l-istess suġġett u hu maħsub li ġibed l-istess ħabel t’Azzopardi li ħadu miegħu bħal parrinu.
Soler tant kemm ma qabilx mad-deċiżjoni li jirrikuża ruħu u b’hekk ma jkunx parti mid-deċiżjoni dwar Jason Azzopardi, li qabel ma ħareġ mill-kamra fejn kien se jsir is-smigħ, Soler iddikjara li fil-fehma tiegħu ma kienx hemm raġuni valida biex jirrikuża ruħu.
Dan isostnih ir-rapport maħruġ mill-Kummissjoni Etika stess.
Sa sena ilu, Soler kien wieħed minn dawk li joħroġ għonqu għal Adrian Delia tant li fuq it-Times kiteb artiklu u attakka lil dawk id-deputati u nies tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li riedu jtajru lil Delia.
Fost in-nies li kien attakka kien hemm Jason Azzopardi.
B’rabta mal-isfiduċja li kien qed jaffaċċja Delia minn deputati Nazzjonalisti, fit-Times, Soler kien kiteb li rridu nistaqsu dwar il-motivazzjoni ta’ politikanti egoistiċi b’aġenda personali.
Soler kritika lit-tmexxija ta’ Simon Busuttil li fl-2013, wara t-telfa kbira li ġarrab Lawrence Gonzi, ħarġet b’messaġġ li l-partit se jiftaħ il-bibien u se jilqa’ lil kulħadd iżda minflok ġara il-maqlub u l-partit sar iżjed elitist u maqtugħ mill-għeruq.
Soler kiteb dwar l-attakki personali li ffaċċja Delia u fakkar f’messaġġ li kien ta l-mexxej tal-Partit Popolari Ewropew, Manfred Weber, li skont Soler għadda messaġġ fuq l-istess linja li kellu Delia iżda imbagħad kien hemm deputati li kienu jmorru fuq il-midja soċjali u jiktbu Not in my name.
Lil dawn, Soler, li ma tħalliex jiskrutinizza lil Jason Azzopardi fuq x’ħa m’għand il-grupp ta’ Yorgen Fenech, qalilhom li jmisskom tistħu.