Negozjaturi tal-UE jaqblu dwar regoli ġodda li jippermettu lill-Ewropej jivvjaġġaw u jibbenefikaw mis-servizzi tal-kontenut onlajn lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Ir-regoli se jirriflettu modi ġodda kif l-Ewropej igawdu onlajn is-servizzi kulturali u ta’ divertiment meta huma jivvjaġġaw fl-UE.
Dan ifisser li Ewropej dalwaqt se jkunu jistgħu jużaw l-abbonamenti onlajn tagħhom f’films, avvenimenti sportivi, kotba elettroniċi, logħob tal-vidjow jew servizzi tal-mużika meta jivvjaġġaw fi ħdan l-UE, skont il-ftehim milħuq min-negozjaturi tal-Parlament Ewropew, tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni Ewropea. Jiġifieri abbonamenti jistgħu jgawduhom meta jivvjaġġaw fl-Ewropa. Per eżempju, meta konsumatur Franċiż jabbona fis-servizzi onlajn ta’ Canal+ biex jara l-films u s-sensiliet, l-utent se jkun jista’ jaċċessa l-films u s-sensiliet disponibbli fi Franza meta jmur fuq btala fil-Kroazja jew meta jivvjaġġa lejn id-Danimarka fuq xogħol.
Dan huwa l-ewwel ftehim marbut mal-modernizzazzjoni tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur kif propost mill-Kummissjoni fl-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali.
Dan il-ftehim intlaħaq ġimgħa biss wara qbil dwar it-tariffi tar-roaming. Il-Viċi President responsabbli għas-Suq Uniku Diġitali Andrus Ansip irringrazzja speċifikament lill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE u lil dawk kollha involuti biex intlaħaq il-kompromess.
It-test miftiehem għandu issa jiġi formalment ikkonfermat mill-Kunsill tal-UE u mill-Parlament Ewropew. Ladarba jiġi adottat, ir-regoli se jsiru applikabbli fl-Istati Membri kollha tal-UE sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2018 minħabba li r-Regolament jagħti lill-fornituri u lid-detenturi tad-drittijiet perjodu ta’ 9 xhur biex jippreparaw għall-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda.