Il-fatt li Membri Ewro-Parlamentari Nazzjonalisti qed jiffrodaw lill-Unjoni Ewropea qed jasal mhux biss għand l-ogħla istituzzjonijiet Ewropej, imma anke fuq mezzi tax-xandir b’saħħa ta’ segwaċi u b’reputazzjoni serja ħafna. Bħal Euronews, per eżempju.
F’rapport ippublikat illum, jingħad li Membri Ewro-Parlamentari qed jużaw fondi Ewropej għal skopijiet ta’ politika nazzjonali. Fuq dawn, grupp ta’ ġurnalisti internazzjonali qed jinvestigaw, u qed jissemmew ċertu pajjiż u politiċi b’isimhom. Hija biss kwistjoni ta’ żmien qabel tingħaqad Malta mal-lista.
L-ikbar tħassib huwa dwar kif jintefaq il-General Expenditure Allowance. Dan huwa maħsub biex bih, Membri Ewro-Parlamentari ikollhom biex jiffinanzjaw uffiċji mill-kostitwenzi.
Jiġifieri biex ikunu qrib iċ-ċittadini, u biex jekk jiġu bżonnhom, isibuhom. Mhux biex tkun finanzjata d-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
Iżda Roberta Mestola, David Casa u Therese Commodini Cachia hekk qed jagħmlu. Qed jużw dan l-allowance biex jaħdmu mid-Dar Ċentrali, u l-flus kollha Ewropej imorru direttament hemm.
Euronews tiddeskrivi dan b’mod ċar. Tgħid li fi żmien ta’ skrutinju kbir fuq ħidmet istituzzjonijiet Ewropej u mistoqsiiet dwar il-mod kif jonfqu l-flus, dawn il-każijiet iqanqlu sentimenti kontra l-Ewropa fost min hu xettiku.
Nick Aiossa, minn Transparency International, diġà tkellem dwar Malta. Qal li każ hekk għandu jkun riferut lill-OLAF. Mal-Euronews qal li hemm livell ta’ ipokrezija f’dan it-tip ta’ finanzjar li jsibu, fi kliemu, “quite astounding”.
Simon Busuttil għadu ma qalx li se jieħu passi. Jekk irid ikun kredibbli, għandu jmur quddiem l-OLAF u jitlobha tinvestiga.