L-attakant tar-Repubblika tal-Korea Son Heung-min ġie kkonfermat li se jkun fl-azzjoni aktar tard illum, fil-logħba li għandhom minn Grupp H kontra l-Urugwaj. Dan aċċertah il-kowċ Portugiż Paulo Bento fejn qal li l-captain tal-Korea se jilgħab, iżda se jkun liebes maskra protettiva. Bento qal ukoll li din il-maskra mhix se tkun ta’ inkonvenjent għalih. Għal Bento, Son huwa l-għażla naturali għat-tim li huwa jmexxi.
It-taliżman Korean qed jirkupra minn frattura fid-dawra ta’ għajnejn, wara li aktar kmieni dan ix-xahar weġġa’ ma’ Tottenham Hotspur fil-logħba taċ-Champions League kontra Marseille. Din l-injury żammitu barra għat-tliet logħbiet ta’ qabel il-waqfa għat-Tazza tad-Dinja.
Meta mitlub jikkumenta dwar l-Urugwaj, Paulo Bento faħħar ħafna lil dan it-tim, b’mod speċjali fil-kwalitajiet li għandhom individwalment u kollettivament. Qal ukoll li din il-logħba se tkun estremament kumplessa għall-Koreani li se jaffrontaw avversarji li huma tajbin ħafna teknikament, organizzati bi plejers li jilagħbu ma’ klabbs kbar u li għandhom esperjenza tat-Tazza tad-Dinja.
Minn dan l-istess grupp, fil-17:00, il-Portugall jilagħbu kontra l-Ghana.
Ritratt: Getty Images