Rapport iddettaljat ippubblikat mill-gazzetta ILLUM ħabbar kif kien taħt it-tmexxija tal-Kap attwali tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, li d-dejn tal-Partit Nazzjonalista l-iktar li spara ’l fuq fi żmien qasir.
Il-gazzetta tikkuntrasta dan maż-żmien taħt it-tmexxija ta’ Adrian Delia, meta d-dejn kien beda jiġi kkontrollat.
Dawn iċ-ċifri joħorġu minn analiżi teknika tal-kontijiet tal-Partit Nazzjonalista fuq medda ta’ snin, imqabbla mal-iktar dikjarazzjonijiet riċenti ta’ Bernard Grech.
Grech iddikjara pubblikament li l-Partit Nazzjonalista għandu €32 miljun f’dejn.
Iżda, l-iktar kontijiet riċenti, dawk tal-2019, jixhdu li sa dakinhar id-dejn kien ta’ €24 miljun.
Dan ifisser li, f’sentejn, id-dejn sploda bi tmien miljun ewro, bl-ILLUM tgħid fil-faċċata tagħha li sorsi fil-Partit Nazzjonalista qed isostnu li Grech għandu jkun iktar trasparenti.
Il-kontijiet jikkonfermaw dak li kien qal il-Viċi-Kap Robert Arrigo pubblikament meta kien sostna li d-dejn kien beda jiġi kkontrollat.
Jirriżulta li wara li Grech ħa t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, Arrigo reġa’ beda jingħata l-ġenb.
Intant fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech qal li qed jiċħad l-istorja tal-Illum dwar iż-żieda tad-dejn taħt Grech.
Skont Grech meta huwa semma d-dejn ta’ €32 miljun kien qed jinkludi wkoll dak tal-kumpaniji tiegħu bħall-Media.Link.
Madankollu dokumenti ta’ rendikonti finanzjarji tal-Partit Nazzjonalista stess li għarblet il-midja juru li fl-2019 id-dejn laħħaq l-€24 miljun, €8 miljun inqas minn dak li hemm issa taħt Bernard Grech.
Fl-istqarrija ntbagħtet ukoll botta lejn it-tmexxija ta’ Delia fejn Bernard Grech ftaħar li ma biegħx każin Nazzjonalista wieħed anki jekk issa semma li jista’ jbigħ mhux biss il-każini imma jagħlaq il-midja tal-partit u jbigħ id-Dar Ċentrali.
Wara li tilef l-elezzjoni, Bernard Grech ħareġ jgħid li l-Partit Nazzjonalista għandu problemi finanzjarji kbar u jrid jieħu passi immedjati.
Din id-dikjarazzjoni ġabet rabja kbira fost attivisti magħrufa, anke minħabba l-mod kif Grech impjega diversi persuni qrib tiegħu għax dejjem qal li jrid jaħdem bil-‘position of trusts’ biex jagħtuh ir-riżultati.
Fost dawn kien hemm Ray Bezzina u Chris Peregin, li flimkien ma’ persuni oħra taw lil Grech l-agħar riżultat elettorali fl-istorja.
Mat-Times of Malta, Bernard Grech kompla jbeżża’ li jekk mhux se jieħu d-deċiżjonijiet li għandu jieħu issa lanqas biex jimpjega persuna biex tmexxi l-uffiċċju elettorali tal-Partit Nazzjonalista mhu se jkollu.
Din l-aħbar, li tixhed falliment ieħor tat-tmexxija ta’ Bernard Grech, ħarġet f’mument meta Grech qed jitlob l-appoġġ tal-kunsillieri u jwaħħal f’ta’ qablu għal dak kollu li sar ħażin.