Ambulanzi, ħelikopter, pulizija, timijiet mediċi u l-Protezzjoni Ċivili.
Dawn kienu x-xeni li l-Erbgħa filgħodu, crew ta’ ONE News ra u esperjenza, waqt li 64 rekluta, flimkien ma’ 20 uffiċjal mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ħadmu kontra l-ħin biex jegħlbu diffikultajiet li ħadd ma jkun qed jistenna u li faċilment jinqalgħu f’każi emerġenzi.
Bi lbies protettiv, vetturi tat-tifi tan-nar u għodda speċifiċi, ir-rekluti għamlu ġurnata jaħdmu flimkien biex jegħlbu l-ostakli maħluqa f’dawn l-eżerċizzji ta’ salvataġġ.
ONE News kien fortunat biżżejjed li, waqt wieħed mill-eżerċizzji, wasal ħelikopter mill-istess dipartiment biex jgħin f’operazzjoni delikata u jintrefgħu persuni taparsi vittmi minn taħt it-tifrik.
Ftit wara, mitejn metru ’l bogħod mill-bażi tat-taħriġ estensiv, ONE News tkellem mad-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili, Peter Paul Coleiro, li spjega fiex kienet tikkonsisti l-ġurnata biex nifhmu aħjar il-ħidma tal-uffiċjali.
Qal, “Barra li nittrenjaw ir-rekluti tagħna bħala parti mill-kors ta’ taħriġ biex wieħed jilħaq pumpier, qegħdin nagħmlu wkoll taħriġ magħhom fejn jidħol l-AFM, it-tobba tal-AFM, il-ħelikopter, il-medical services min-naħa tal-isptar tas-saħħa, il-Pulizija u qegħdin naħdmu kollha flimkien u qegħdin naqilgħu ħafna problemi apposta.”
Coleiro spjega li waħda mir-raġunijiet għaliex għażlu Selmun bħala l-lokalità biex isiru dawn is-simulazzjonijiet, kien il-fatt li minħabba toroq dojoq u perikolużi, il-vetturi ma jistgħux jidħlu preċiżament fil-post tal-inċident u għalhekk irid ikun hemm kordinazjzoni konġunta biex kull biċċa għodda tinġarr bl-idejn.
Fil-fatt din kienet waħda mill-ostakli li ġew introdotti f’dawn l-operazzjonijiet.
Jiġru mal-irdumijiet, sibna wkoll klieb tal-K9 fejn bdew ukoll jitgħallmu jfittxu persuni mitlufin jew saħansitra nies mirdumin.
Coleiro rrimarka li anke l-klieb sabu diversi ostakli jistennewhom.
Qal, “Għandna l-klieb qed ifittxu, filwaqt li l-ħelikopter qed jagħmel l-operations tiegħu. Mela l-kelb għandu distrazzjoni li mhux daqsekk komdu biha, imma biex jidra li meta int għandek emerġenza kbira, dik hi r-realtà tal-ħajja.”
Sadanittant Colerio tenna li l-aktar eżerċizzju diffiċli, li se jkun qed isir ftit jiem oħra, hu simulazzjoni ta’ sitta u tletin siegħa biex ikomplu jitħarrġu fuq dawn ir-realtajiet li jistgħu jaħkmu lil pajjiżna għall-għarrieda.
Ġie spjegat ukoll li l-preparazzjoni għal taħriġ bħal dan hu wieħed diffiċli immens, però fl-aħħar mill-aħħar hu ta’ importanza kbira biex kull ħajja li ssib ruħha f’diffikultà, tiġi salvata.
Qal, “Huwa challenge kbir u jkun fih ħafna l-problemi tiegħu però jkun hemm ir-rieda minn kull entità, għax fil-verità meta jkollna dawn l-operazzjonijiet dejjem naħdmu flimkien. Din id-darba li qed nagħmlu, qed inpoġġu aktar stress min-normal, għax l-operazzjoni hi ħafna ikbar u qed nieħdu vantaġġ li għandna 64 rekluta ġdid u huma stess jaraw kif timxi operazzjoni kbira.”