Diversi awtoritajiet lokali fosthom dawk regolatarji tas-servizzi Finanzjarji u l-Korp tal-Pulizija qed jiġu mħarrġa minn Scotland Yard dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus biex jiġi ffinanzjat it-terroriżmu.
ll-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna fisser dan waqt li attenda għal sessjonijiet ta’ taħriġ dwar temi marbuta mal-ġlieda kontra l-kriminalità.
Huwa qal li l-Gvern tant huwa impenjat fil-ġlieda tiegħu kontra l-ħasil ta’ flus li aċċetta l-offerta tal-Ministeru għall-Intern tar-Renju u ġab il-pulizija Metropolitana tar-Renju Unit biex taqsam l-esperjenzi tagħha mal-awtoritajiet Maltin.
Il-Ministru Scicluna stqarr: “Bħala parti mill-programm illi Malta għamlet lilha nnifisha biex tupgradja l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u t-terroriżmu kellha bżonn l-għajnuna ta’ pajjiżi barranin li għandhom iktar esperjenza u esperjenza aktar twila għaliex is-size tagħhom jippermetti.”
L-għan tat-taħriġ huwa li jipprovdi stampa sħiħa tal-affarijiet li jistgħu jgħinu jew ikunu ta’ riskju u dak li jista’ jkun ta’ theddida għall-istituzzjonijiet finanzjarji.
Dan apparti li jintefa’ dawl dwar l-irwoli u r-responsabbiltajiet tas-settur privat fejn jidħlu rapporti suspettużi ta’ attività ta’ terroriżmu finanzjarju.
Il-Ministru Scicluna qal li hemm ħsieb li titwaqqaf aġenzija speċjalizzata sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata u għalhekk għaddejjin taħdidiet mal-Ministeru għall-Intern Ingliż biex l-aġenzija Maltija jkollha mudell fuqxiex trid tħares biex taqdi funzjoni aħjar.
Huwa tenna li f’dawn l-aħħar snin żdiedu r-riżorsi disponnibli biex tassew tiġi miġġielda l-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu.