Wasal fi tmiemu t-taħriġ sportiv li ttella’ f’Malta mill-Akkademja tal-Juventus flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Dan il-kamp ta’ taħriġ kien mifrux fuq ħamest ijiem u l-għan tiegħu hu li jħarreġ it-tfal fit-teknika tal-futbol waqt li jagħmlu ħbieb ġodda, filwaqt li jkollhom esperjenza mill-viċin tat-taħriġ kif isir fil-kumpless tal-Juventus f’Turin. Dan sar minn tim tekniku ta’ coaches barranin mill-Juventus Academy u bl-assistenza ta’ xi coaches lokali.
Kull coach ħa ħsieb massimu ta’ 15-il plejer b’total ta’ 120 tifel li l-età tagħhom tvarja bejn 5 u 17-il sena.
F’dan it-taħriġ ittieħdu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji bħat-temperatura u diżinfettar tal-apparat. Bejn is-sessjonijiet it-tfal kienu offruti ikel f’ambjent professjonali sportiv.
Dan l-avveniment sar bl-għajnuna tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li għamlet dak kollu possibbli biex li tinġieb id-ditta tat-tim tal-futbol Juventus f’Malta. Dan filwaqt li ssir promozzjoni barra minn Malta u mal-Juventus stess.
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li din hija esperjenza unika għat-tfal tagħna. Apparti minn hekk, dan huwa mod ta’ kif insaħħu t-turiżmu sportiv f’pajjiżna bl-għan li jiġu parteċipanti u familji minn barra minn Malta apposta għal dan l-avveniment u jgawdu minn dak li għandu x’joffri pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima żar ukoll it-training camp, u stqarr kemm hu importanti l-investiment fit-tfal tagħna, bl-għan li jitħarrġu ma’ klabbs professjonali permezz ta’ opportunitajiet bħal dawn li jgħinu lit-tfal fiżikament, teknikament u mentalment. Żied jgħid li t-titjib u l-iżvilupp tal-faċiltajiet sportivi madwar Malta huwa kruċjali biex inkomplu nilqgħu entitajiet u professjonisti barranin.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia qal li jinsab onorat li d-ditta tat-tim tal-futbol Juventus ġiet Malta perezz ta’ ħidma li wettqet l-Awtorità tat-Turiżmu. Huwa sostna li jinsab fiduċjuż li dan il-proġett ikompli jikber u jrendi fiż-żmien li ġej.
Ritratti: MTCP/MEDE_PS