Fl-eqqel tas-sħana sajfija meta ħafna minna nkunu qed niffriskaw il-baħar, il-plejers tat-tim nazzjonali ta’ taħt id-dsatax-il sena tal-volleyball jinsabu għaddejjin b’taħriġ intensiv fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera biex jirrappreżentaw lil pajjiżna fl-Iżlanda.
Dan hekk kif, wara nuqqas ta’ ħames snin, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volleyball se tibgħat lit-tim nazzjonali tal-Volleyball għal kompetizzjoni li kellha ssir is-sena l-oħra, iżda li tħassret minħabba l-pandemija.
Casey Bunce, li hija l-captain ta’ dan it-tim spjegat li hemm diversi plejers b’esperjenza li kapaċi jaffaċċjaw kompetizzjonijiet bħal dawn, u bl-għajnuna ta’ plejers żgħażagħ jistgħu verament jiksbu riżultat tajjeb.
Qalet, “Kemm għalija u anke għat-tim se jkun ta’ unur kbir li se nirrappreżentaw lil xtutna barra minn Malta. Allavolja ħa nkunu qed nikkompetu kontra timijet li huma tajbin ħafna, aħna se nagħtu l-mija fil-mija tagħna.”
Waqt waħda mis-sessjonijiet ta’ taħriġ, tkellimna wkoll mal-kowċ Stefan Decelis, li qalilna kif minbarra t-tħejjijiet li jirrekjedi l-isport fil-pitch, l-atleti jridu jħossuhom tajjeb mentalment ukoll.
Qal, “L-esperjenza se tkun prattikament bejn it-tieni ta’ Settembru u l-ħamsa ta’ Settembru. Għandna tliet logħbiet, logħba kuljum. Għanda logħob kontra l-Iżlanda, il-Gżejjer Faroe u Ġibiltà.”
Il-kowċ spjega li minkejja li din il-kompetizzjoni kienet ikkonfermata ftit tax-xhur ilu, it-tim xorta daħal b’impenn ikun preparat mhux biss għal dan il-kampjonat Ewropew iżda anke għal kampjonati oħra fil-futur.
Spjega, “Minħabba l-pandemija li għadha għaddejja bħalissa, dan it-tournament, il-European Championship, kellu jsir is-sena l-oħra fil-Lussemburgu. Però minħabba health issues ġie pospost għal din is-sena. L-Iżlanda kkonfermat li se tospita prattikanti xahar u nofs ilu u hekk kif ikkonfermajna li nistgħu nikkompetu bdejna t-taħriġ tagħna.”