Mit-3 ta’ Novembru li ġej, professjonisti li jaħdmu f’każi ta’ separazzjoni ma’ koppji bit-tfal, se jingħataw taħriġ biex jagħrfu sitwazzjonijiet ta’ dik li tissejjaħ ‘parental alienation’.
Dawn iseħħu meta wieħed mill-ġenituri, b’mod intenzjonat, jitfa’ dawl ikrah u mhux ġustifikat fuq il-ġenitur l-ieħor, mat-tfal.
Dan it-taħriġ għandu l-għan li jżid l-għarfien dwar is-suġġett, biex professjonisti soċjali u legali jkunu f’pożizzjoni li jiggwidaw aħjar lill-familji milqutin, speċjalment it-tfal.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha ġie ppreżentat studju li sar mit-terapista tal-familja, Roberta Farrugia Debono.
Stqarret, Li sibt hu li l-mod ta’ kif wieħed irid jifhem il-parental alienation hu li jrid jifhem il-kumplessità tal-aljenazzjoni, u anke l-fatt li hemm każi fejn vera jkun hemm parental alienation, però jkun hemm każi fejn, pereżempju, hemm vjolenza domestika, fejn parental alienation ma nistgħux nużawha bħala terminu.”
L-istudju rriċerka x’interventi jistgħu jsiru biex jgħinu lit-tfal u lill-ġenituri f’dawn is-sitwazzjonijiet, fejn ħareġ kif l-aħjar metodu t’għajnuna hi t-terapija tal-familja.
Għal dan il-għan, il-Kumitat Tekniku tal-Parental Alienation se joffri taħriġ lill-professjonisti li jaħdmu ma’ dawn il-familji biex ikunu jistgħu jiggwidawhom aħjar.
Qalet, “It-training, li ħa nkunu qegħdin nagħtu fi ħdan il-Ministeru u fi ħdan il-Positive Parenting Task Force, se jkun qed jgħin lill-professjonisti jitgħallmu aktar dwar x’inhi aljenazzjoni, dwar x’mhix aljenazzjoni u kif nistgħu l-aħjar nintervjenu.”
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, saħaq li r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu minn dan l-istudju, għandhom iwasslu għal riformi importanti, speċjalment fejn jidħol dewmien qawwi quddiem il-ġudikatura.
Stqarr, “Il-fenomenu fih innifsu hu kumpless, għax kull relazzjoni umana hi kumplessa. Irridu nagħtu kas u naħdmu aktar, it-taħriġ u r-riċerka huma importanti u dawk qed isiru. ’Il quddiem jekk ikun hemm bżonn, nagħmlu anke l-interventi legali, flimkien mal-Ministeru għall-Ġustizzja.”