Iż-żgħażaġħ kif ukoll il-familji li jgħixu fl-Għarb f’Għawdex se jkunu jistgħu jkomplu jkattru l-għarfien u l-potenzjal tagħhom bl-aħjar mod possibbli permezz ta’ taħriġ ġdid li jirrelata diversi suġġetti.
Dawn is-sessjonijiet ta’ taħriġ ħa jkunu qegħdin isiru f’ċentru ġdid, msejjaħ l-‘meeting hub’ b’investiment ta’ mija u għoxrin elf ewro, minn Fondi Ewropej.
Il-Proġett tmexxa mill-Kunsill Lokali, l-Għaqda Mużikali Viżitazzjoni kif ukoll Pauliana Said Accountancy and Tax Consultants.
Is-Sindku tal-Għarb, David Apap Agius, stqarr li dawk li ħa jattendu dan iċ-ċentru ħa jkunu jistgħu jaqsmu l-ideat tagħhom.
“Dan il-proġett huwa proġett ta’ meeting hub li se jservi sabiex nagħtu servizz lill-familji u liż-żgħażagħ, familji ġodda u żgħażagħ li jistgħu jkunu fi problemi kif ukoll iservi ta’ post fejn jiltaqgħu u jaqsmu ideat u anke prattiċi differenti ma’ xulxin”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li l-għan tal-proġett huwa li ’l quddiem isiru attivitajiet soċjali u rikreattivi.
“Għaldaqstant anke r-raħal tal-Għarb se jkun qed jibbenefika b’mod dirett issa minn fondi Ewropej għal aktar faċilitajiet għar-residenti ta’ hawnhekk u għall-familji ta’ hawnhekk u anke għal attivitajiet u bżonnijiet oħra li propju permezz ta’ dan il-proġett se jkunu jistgħu isiru hawnhekk ġewwa din il-lokalità”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li dan il-proġett qed isir taħt skema bl-isem ta’ tiġdid lil Għawdex mill-programm LEADER.
“Dawn il-fondi huma mezz kif aħna nwasslu l-fondi b’mod dirett fil- qalba tal-lokalitajiet u naraw li jkunu ta’ għajnuna biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies”