Faċilità ġdida msejħa Obstacle Course se tkun qed toffri sessjonijiet ta’ taħriġ b’xejn għal tfal bl-awtiżmu u l-ġenituri tagħhom. Dan bi ftehim bejn il-Gvern u l-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri tat-Tfal bl-Awtiżmu flimkien mas-settur privat.
Dan il-ftehim se jara r-riġenerazzjoni ta’ grawnd fil-Qrendi li kien ilu snin mitluq, b’għajnuna ta’ għoxrin elf ewro mill-Ministeru għall-Inklużjoni.
L-uffiċjal għar-relazzjonijiet pubbliċi fi ħdan l-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri tat-Tfal bl-Awtiżmu, Alishia Jones, spjegat kif persuni fil-firxa wiesa’ tal-awtiżmu se jkollhom spazju fejn iqattgħu ħin ta’ kwalità.
Jones qalet, “Waħda mill-aktar problemi li nsibu hija li t-tfal tagħna bl-awtiżmu u anki żgħażagħ bl-awtiżmu ma tantx għandhom fejn jistgħu jmorru, fejn jieħdu pjaċir, jiżviluppaw it-talenti, fejn jistgħu jissoċjalizzaw. Allura xtaqt li nikkombina dawn l-affarijiet biex nagħtuhom dak li ħaqqhom.”
Is-sid tal-klabb li se jkun qed jieħu ħsieb it-taħriġ, spjega kif din il-kollaborazzjoni se toffri żewġ sessjonijiet b’xejn fil-ġimgħa.
Julian Briffa spjega, “It-taħriġ tal-OCR li ħa jkun offrut mill-APA li huma l-Autism Parents Association ħa jkollom żewġ sessjonijiet fil-ġimgħa skont l-etajiet bejn kbar u żgħar b’xejn hawnhekk.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli tenniet li din il-ħidma se tara r-riġenerazzjoni ta’ post li mistenni jitgawda mill-komunità kollha, inkluż il-parroċċa tal-Qrendi.
Il-Ministru Farrugia Portelli stqarret, “Dan kien grawnd li għal snin twal kien tħalla mitluq u allura bil-kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja flimkien mas-settur privat u l-knisja ser inkunu qegħdin noffru opportunità biex tfal bl-awtiżmu jingħataw iċ-ċans illi darba fil-ġimgħa ikollhom attivitajiet għalihom b’xejn hawnhekk u l-istess permezz tal-komunità.”
Is-Segretarju Permanenti, Matthew Vella qal kif dan huwa eżempju ċar ta’ kif l-istrateġija għall-awtiżmu li tnediet ġimgħat ilu, qed tiġi implimentata.