Taħriġ ġdid ser ikun qed jara li l-professjonisti ikunu mħarrġa sew sabiex jagħtu l-aħbar lil ġenituri li t-tfal tagħhom ikollhom xi diżabilità.
Dan il-kors bl-isem ta’ ‘Breaking the News’ ser jara li l-ġenituri jingħataw din l-aħbar bl-aktar mod sensittiv filwaqt li tingħaddilhom il-verità kollha dwar uliedhom. Dan sabiex il-ġenituri bla biża’ żejda jkunu jistgħu jgħinu lit-tfal jgħixu ħajjithom f’soċjetà inklussiva.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli spjegat kif dan il-kors ser jagħti l-għodda meħtieġa lill-professjonisti f’pajjiżna biex jagħtu anke l-iktar aħbarijiet iebsa.
Hija qalet, “Filwaqt li wieħed irid ikun qrib dejjem il-verità irid ikun hemm l-empatija u nkunu umani kif inwasslu din l-aħbar. Dan il-kors ta’ tnax-il sezzjoni differenti għandu jkompli jrawwem il-professjonisti biex aħna nagħtu l-aħbar b’mod sensittiv u b’mod ġenwin imma li nkunu solidali bejnietna.”
Il-Ministru għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon stqarr kif il-Gvern ser ikun ta’ spalla wkoll għal dawn il-ġenituri f’mument diffiċli fit-trobbija tat-tfal tagħhom.
Huwa stqarr: “Aħna gvern tan-nies u Gvern għan-nies mhux biss bl-għajnuna finanzjarja imma verament nemmnu li m’għandek tħalli lil ħadd waħdu u nemmnu anke li f’mumenti fejn wieħed jiġi biex jirċievi aħbar ħażina ikun hemm ukoll is-sostenn li hemm bżonn ikun hemm.”
ONE News ħa wkoll ir-reazzjoni tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Samantha Pace Gasan li spjegat kif inizjattiva bħal din ser tkun qed twassal biex tkompli tiżdied l-aċċettazzjoni ta’ diżabilità kemm mill-ġenituri u mis-soċjetà u għalhekk verament ngħixu f’soċjetà inklussiva.
Hija sostniet: “Jekk nibqgħu inħarsu lejn id-diżabilità b’mod negattiv fis-soċjetà, ovvjament li tkun reazzjoni devastanti. Jiġifieri dan it-taħriġ irid mhux biss jiffoka fuq il-mument li inti qed twassal il-messaġġ u kif twasslu l-messaġġ imma anke b’mod ġenerali biex is-soċjetà anke mill-professjonisti stess ikollna anke perspettiva ta’ diżabilità b’mod aktar pożittiv.”