Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis indirizza lill-ħaddiema tal-Esplora li pparteċipaw f’taħriġ provdut mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità dwar id-dimensja.
L-iskop ta’ dan it-taħriġ huwa sabiex dawn il-ħaddiema jifhmu aħjar ir-realtajiet li jgħixu bihom u sitwazzjonijiet differenti li jaffettwaw lil persuni bid-dimensja, u għalhekk iċ-ċentru interattiv tax-xjenza Esplora jkun attrazzat aħjar għal persuni bid-dimensja.
Fid-diskors tiegħu għal dan it-taħriġ, Agius Decelis faħħar lill-amministrazzjoni ta’ Esplora ta’ din l-inizjattiva. Huwa saħaq li bħala entità huma ta’ eżempju għal kumpaniji u entitajiet oħra biex jagħmlu inizjattivi simili sabiex aktar spazji pubbliċi jkunu aċċessibbli u attrazzati għall-bżonnijiet differenti ta’ diversi persuni.
Il-Kap Eżekuttiv għall-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando stqarr illi l-programmi t’attivitajiet li jkunu organizzati matul is-sena jirriflettu kif Esplora huwa kommess biex jagħmel differenza mhux biss fix-xjenza fiżika imma anka fix-xjenza soċjali. Dan isir permezz t’attivitajiet bħal inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità, għarfien fuq bosta aspetti tas-saħħa, u attivitajiet dedikati għall-anzjani.
Lura f’Ottubru tal-2016, is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija għamlu ftehim ta’ kollaborazzjoni bejnithom biex b’hekk Esplora bdiet tiffaċilità aktar il-parteċipazzjoni tal-anzjani u l-persuni b’diżabilità.
Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis irringrazzja lil Alex Gobey, Koordinatur għall-Kura tad-Dimensja ġewwa id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, u lill-ħaddiema kollha li attendaw għal dan it-taħriġ.
Agius Decelis awgura l-festi t-tajba lil kulħadd.
Ritratt: MFCS_PS