Il-Qorti tal-Appell irrevokat sentenza ta’ 6xhur ħabs effettivi lill-Kuntistabbli li pprova jifga lil martu. Huwa ngħata sentenza sospiża ta’ ħabs, u se jkompli jingħata l-kura għal-kundizzjoni mentali li għandu.
Il-każ jeħodna lura għal Ġunju tal-2008 meta Kevin Galea prova jifga’ lil martu b’charger tal-mobile, minħabba li kien qed jisuspetta li bidlitu. Galea kien instab ħati b’attentat ta’ qtil u vjolenza domestika, iżda appella mis-sentenza u talab li l-piena ta’ 6 xhur ħabs tkun revokata għaliex kellu kundizzjoni mentali u allura kellu bżonn għajnuna medika.
Jidher ukoll li fil-ħin tar-reat, Galea ntebaħ b’dak li qed qed jagħmel u minn jeddu waqaf, ċempel l-għassa u lill-ambulanza biex jitlob l-għajnuna.
Il-vittma qalet fil-Qorti li żewġha prova jifgaha għax kien marid u kellu bżonn l-għajnuna. Qalet ukoll li ħafret lil żewġha ta’ li prova jagħmel, anke jekk hija kienet qed tiġġieled mal-mewt fit-taqsima tal-kura intensiva, għaliex kienet taf li ma riedx iweġġaha. Fil-fehma tal-vittma, Kevin Galea ma kienx ħaqqu jmur il-ħabs.
Il-Qorti tal-Appella kkunsidrat dawn il-fatti kollha u bidlet is-sentenza għal dik ta’ 6 xhur ħabs sospiżi għal 3 snin. Matul dan iż-żmien, l-imputat se jkompli jingħata kura mingħand psikjatra għall-kundizzjoni tiegħu.