Il-Gvern kompla għaddej b’serje ta’ laqgħat mal-imsieħba ewlenin sabiex it-trasport pubbliku jkun iktar effiċjenti u jittaffa l-impatt tat-traffiku.
Dawn il-laqgħat, bit-tema ‘Deċiżjoni b’direzzjoni: djalogu dwar trasport u mobilità’, qed imexxihom il-konsulent u akkademiku l-Prof. Gordon Sammut.
L-aħħar laqgħa, li saret il-Ħamis, kienet mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, ikkummenta li permezz ta’ dawn il-laqgħat, qed jiġu involuti l-partijiet interessati kollha biex isseħħ il-bidla li tant hemm bżonn f’dan il-qasam.
Huwa fisser li l-kunsilli lokali huma sieħeb importanti fl-implimentazzjoni tal-viżjoni tal-Gvern għax huma l-aktar li jafu l-bżonnijiet partikolari tal-lokalità tagħhom.
Huwa saħaq fuq l-impenn tal-Gvern biex ikompli jsaħħaħ it-trasport pubbliku.
Il-Ministru Aaron Farrugia qal “Issa li huwa b’xejn naraw illi jkollna rotot, frekwenzi u metodi differenti ta’ kif insaħħu dan it-trasport pubbliku illi l-Maltin jistgħu verament jaċċessaw u jużaw fiż-żmien illi ġej.”
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet li wieħed mill-punti li ġew diskussi fil-konsultazzjoni bi tħejjija għall-Viżjoni Strateġika tal-Gvern Lokali kien proprju l-immaniġġjar tat-traffiku fl-ibliet u fl-irħula. Hija affermat mill-ġdid l-impenn tal-Gvern biex, b’ħidma kollettiva mal-kunsilli lokali u mal-entitajiet konċernati, jiġu indirizzati l-bżonnijiet tat-trasport u l-mobbiltà b’mezzi ġodda u sostenibbli. B’hekk noħolqu ambjent aktar nadif u sigur filwaqt li nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Is-Segretarju Parlamentari, Alison Zerafa Civelli qalet “Wieħed mill-irwoli importanti tal-Kunsilli Lokali huwa l-mobbiltà, it-trasport, u l-aċċessibilità.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava, saħaq fuq l-importanza li pajjiżna jimxi lejn mezzi ta’ trasport alternattivi filwaqt li titnaqqas id-dipendenza fuq il-vettura privata. Huwa qal li l-kunsilli lokali jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-ħarsien tal-klima u jżidu s-sostenibbiltà soċjali u ekonomika f’pajjiżna.
Mario Fava irrimarka li “Rajna l-importanza li wieħed jagħti lejn il-mixi, lejn is-shared transport u mezzi oħra għaliex nemmnu li l-micromobility hija importanti biex wieħed jagħmel il-qalba li hemm bżonn biex bħala pajjiż anke nilħqu l-miri stabbiliti u dawk imposti mill-Kummissjoni u l-Unjoni Ewropea.”