Il-kuratur veteran ta’ Heritage Malta dwar l-istorja naturali, John J. Borg, se jindirizza t-tieni taħdita pubblika minn sensiela ta’ taħditiet li qegħdin ikunu organizzati kull xahar minn Heritage Malta.
Kif jindika l-isem, From Abela to Zammit – A biographic overview of the Maltese naturalists from the 16th to the early 20th Century, din it-taħdita se tiffoka fuq ħajjet u studji ta’ naturalisti Maltin bejn is-16-il seklu u l-bidu tas-seklu 20.
L-għan ta’ dawn it-taħditiet huwa li titqajjem kuxjenza akbar dwar il-wirt kulturali. Dawn it-taħditiet se jkunu indirizzati minn professjonisti fis-settur kif ukoll minn rappreżentanti ta’ Heritage Malta. Is-suġġetti li se jkunu diskussi f’din is-sensiela ta’ taħditiet huma dwar diversi aspetti tal-wirt kulturali u storiku tagħna bħall-arkeoloġija, konservazzjoni, l-istorja, storja naturali, fotografija, settur marittimu u oħrajn.
John J. Borg ingħaqad mad-Dipartiment tal-Mużewijiet fl-1992 u baqa’ javvanza sal-kariga ta’ kuratur veteran dwar l-istorja naturali. Huwa responsabbli mill-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali, Għar Dalam u jikkordina numru ta’ riċerki li jsiru b’kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet lokali u barranin fuq suġġetti varji bħall-ornitoloġija, entomoloġija, paleontoloġija u zooarkeoloġija. John ghandu nteress partikolari wkoll fl-aspetti storiċi tal-istorja naturali, speċjalment ta’ naturalisti Maltin fis-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20.
It-tieni taħdita minn din is-sensiela se ssir nhar is-Sibt 28 t’April fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkoeloġija fil-Belt bejn l-10.00am u nofsinhar.