Iċ-Ċentru Studji Dun Ġorġ, fi ħdan is-Soċjetà tal-MUSEUM, qed jorganizza taħdita pubblika minn Dr David Aloisio l-Ħamis, 7 ta’ Marzu, fis-sala ta’ Dar il-Ħanin Sammaritan, f’Santa Venera, mis-7.00 p.m. ’il quddiem. Fis-serata titnieda wkoll il-50 ħarġa tar-rivista ‘Dun Ġorġ,’ edizzjoni kommemorattiva bil-kitbiet u d-diskorsi tal-Professur Oliver Friggieri fuq Dun Ġorġ Preca.
Aloisio, li qatta’ tfulitu fil-Mużew u kien għamel ukoll xi snin soċju, hu senior lecturer u Kap tad-Dipartiment tal-Malti fil-Junior College. Ġab id-dottorat mill-Università ta’ Malta permezz ta’ studju dwar il-kanonu letterarju fil-kuntest letterarju Malti. Hu ħa sehem f ’konferenzi, kiteb papers u ppubblika kotba relatati mat-tagħlim tal-letteratura Maltija; kiteb ukoll għadd ta’ kotba letterarji, fosthom tnejn li rebħu premju nazzjonali, ‘Only in Ħal Biżarr’ (2014) u ‘Ġganti’ (2022).
Dun Ġorġ Preca (1880 – 1962) twieled il-Belt Valletta, imma għex ħafna minn ħajtu l-Ħamrun. Bħala saċerdot iddedika ħajtu kollha għall-evanġelizzazzjoni u kien il-fundatur tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, magħrufa bħala l-MUSEUM, fl-1907. Papa Benedittu XVI, meta ddikjarah qaddis fl-2007, sejjaħlu “ruħ profondament mistika u saċerdotali, li reħa lilu nnifsu f’idejn l-imħabba ta’ Alla, Ġesù u l-Verġni Marija.”
Dun Ġorġ kiteb iktar minn mitt ktieb, ħafna minnhom bil- Malti, għax, kif kiteb Friggieri fl-1974, “ħaddem mill-ewwel il-kelma Maltija, bla xejxi kif kien jafha, biex jgħallem lill- kotra. Inqeda bil-lingwaġġ ħafif tagħha u llum għandu jitqies bħala wieħed minn dawk li wettqu bil-fatti, u mhux bit-teoriji, il-verità tal-użu tal-kelma lokali għal kull xorta ta’ tagħlim.”
Oliver Friggieri (1947 – 2020), imwieled il-Furjana, sa minn tfulitu kien jattendi l-MUSEUM tal-Furjana u ta’ 18-il sena kien sar ukoll membru sħiħ tas-soċjetà. Kien poeta, rumanzier, kritiku letterarju u filosfu. Studja fl-Università ta’ Malta u fl-1975 sar l-ewwel student li ggradwa fil-Masters fil-letteratura Maltija. Tliet snin wara kiseb dottorat fil-letteratura Maltija u l-kritika letterarja mill-Università Kattolika ta’ Milan.
Wara xi snin jgħallem fl-iskejjel, fl-1976, Friggieri beda jgħallem fl-Università ta’ Malta u fl-1990 inħatar Professur. Fl-1967 kien wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju u, bil-kitbiet tiegħu, stinka biex jippromwovi l-lingwa u l-identità kulturali Maltija. Kien pijunier fix-xjenza tal-kritika letterarja f’Malta u ħaddem bosta ġeneri ġodda għal-lingwa u kiteb l-ewwel kantata u l-ewwel oratorju bil-Malti.
Meta fl-1987 kien mar ikellem lis-soċji tal-MUSEUM fid-Dar Ġenerali tal-Blata l-Bajda, Friggieri kien temm id-diskors tiegħu billi qalilhom li Dun Ġorġ “kien bniedem li ma kienx f’postu f ’din id-dinja u li għex jistenna li jmur lura f’postu. Sadattant ipprova jkaxkar lil kulħadd miegħu, bil-kelma li kienet azzjoni u bl-azzjoni li żvogat fil-kelma.”
Fl-istess okkażjoni kien qal li “Dun Ġorġ kien raġel differenti, li jqanqal il-kurżità u jħajrek tiskoprih. Fil-qasam tal-kitba jitqies bħala kittieb li ta kontribut mill-akbar lill-poplu. Fil-qasam tal-prietki jitfakkar bħala kelliem isammar eluf ta’ nies għall-ħinijiet twal. Fil-qasam tal-ħidma soċjali jitqies bħala filantropu għax għallem u ħoloq kuxjenza u ġabar it-tfal kull filgħaxija. Fil-qasam tal-organizzazzjoni jitqies bħala l-fundatur ta’ moviment li nfirex mal-pajjiż kollu u lil hinn minnu.”
Kulħadd hu mistieden għat-taħdita bla ħlas u aktar tagħrif jista’ jinkiseb b’email fuq csdg@sdcmuseum.org.