Id-dipartiment tas-siti ta’ Heritage Malta relatat mal-perjodi Feniċji, Rumani u Medjevali, huwa fost l-akbar fl-Aġenzija. L-għanijiet prinċipali tiegħu huwa li jħares is-siti fdati lilu, li jżommhom aċċessibbli għall-pubbliku, u li jippreservahom għall-ġenerazzjonijiet futuri. Imma x’inhu x-xogħol involut biex dan ikun possibbli?
Il-Kuratur Anzjan, David Cardona, se jiddiskuti din it-tema waqt taħdita bl-isem Heritage Malta’s Phoenician, Roman and Medieval sites: a backstage preview. Din it-taħdita se sservi bħala opportunità sabiex wieħed jifhem aħjar il-fatturi varji tar-rwol kuratorjali f’kull sit li jitmexxa minn dan id-dipartiment.David Cardoma dejjem qies lilu nnifsu bħala arkeoloġist b’interessi wiesgħa. Madanakollu, l-arkeoloġija tal-arkitettura u tat-teknoloġiji antiki minn dejjem affaxxinawh. Huwa rriċerka l-użu tal-ġebel fil-bini tal-gżejjer Maltin waqt il-perjodu Preistoriku bħala parti mill-istudji tiegħu għal Baċellerat tal-Arti fl-Arkeoloġija. Għat-teżi tiegħu fil-Maġisteru, huwa tratta d-dekorazzjoni arkitettonika tal-binjiet Rumani f’Malta u Għawdex. Preżentament, Cardona qiegħed jagħmel riċerka għal Dottorat bit-titlu – “Landscapes of Death and Commemoration: burial space, place and evolution from Phoenician to late Roman Malta” mal-Università ta’ Leicester.
Din it-taħdita li qed tiġi organizzata mill-Archaeological Society of Malta, se ssir nhar l-Erbgħa, 24 t’Ottubru, fis-6:00pm, fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, Triq ir-Repubblika, l-Belt Valletta. Dħul bla ħlas.