Il-Ministru tad-Difiża Ukren Rustem Umerov, ilbieraħ ħabbar li t-taħdidiet bejn id-delegazzjonijiet tal-Istati Uniti u tal-Ukrajna fil-kapitali tal-Arabja Sawdija Riyadh, kienu pożittivi u ffukati fejn wieħed mill-punti ewlenin indirizzati kien l-enerġija.
F’kitba fuq il-pjattaforma tal-midja soċjali ‘X’, Umerov enfasizza li l-għan tal-President Volodymyr Zelensky huwa li jiżgura paċi ġusta u dejjiema għall-Ukrajna u l-Ewropa in ġenerali u sostna li kienu qed jaħdmu sabiex dan l-għan isir realtà.
Id-delegazzjoni Ukrena kienet tinkludi wkoll lis-Segretarju tal-Istat tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Oleksandr Karasevych, id-deputati kapijiet tal-Uffiċċju tal-President Pavlo Palisa u Ihor Zhovkva, kif ukoll il-Viċi Ministru tal-Enerġija Mykola Kolisnyk.
Kien ikkonfermat li lbieraħ ma kellhomx jiltaqgħu mad-delegazzjoni Russa hekk kif dawn huma skedati għal-lum.
F’vidjow li xxandar ilbieraħ filgħaxija, Zelensky qal li t-taħdidiet mal-Istati Uniti kienu produttivi u appella lil kulħadd sabiex jibqgħu jagħmlu pressjoni fuq ir-Russja biex ikun milħuq ftehim veru ta’ waqfien mill-ġlied.