Il-kumpanija RSM għażlet Malta meta f’April li għadda inawgurat uffiċini ġodda b’investiment ta’ miljun ewro u nofs. Issa mill-ġdid għażlet Malta biex organizzat hawn konferenza reġjonali.
F’din l-okkażjoni, bi kburija l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta fl-aħħar snin irnexxielha iżżomm u ssaħħaħ investimenti eżistenti u tiġbed investimenti ġodda. Permezz tal-impenn tal-Gvern, se tkompli ssaħħaħ din il-ħidma fis-snin li ġejjin.
Il-Prim Ministru fakkar fil-kisbiet ta’ pajjiżna: l-ewwel surplus – ta’ 1% tal-GPD – wara 35 sena, rati ta’ tkabbir ekonomiku bla preċedent, l-ogħla rata ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, u l-iktar rata baxxa ta’ qgħad fl-aħħar tletin sena.
Il-Prim Ministru nnota kif il-bidliet meħtieġa jsiru f’kollaborazzjoni mal-partijiet interessati, bħall-kumpanija RSM li għarfet toħloq impjiegi ta’ kwalità.
B’hekk pajjiżna seta’ jwettaq ir-riformi meħtieġa biex Malta ssir dejjem iktar hub ta’ investiment – b’riformi bħal fl-effiċjenza tal-istituzzjonijiet, riformi fis-sistemi ta’ taxxi, u inizjattivi bejn il-privat u l-pubbliku.
Dan fl-istess waqt li pajjiżna kompla jagħraf juża l-vantaġġi tiegħu, fostom fil-pużizzjoni strateġika tiegħu bħala hub għas-swieq Ewropej u Afrikani.
Biex b’hekk, innota li l-investiment dirett barrani f’pajjiżna, sal-aħħar tas-sena li għaddiet qabeż il-€150 biljun. Dan il-pass tajjeb inqabad minn pajjiżna permezz ta’ Gvern li huwa mituħ għan-negozju. Pajjiż li permezz taċ-ċokon tiegħu u r-rieda amministrattiva, għandu aġilità leġiżlattiva li tippermetti jwettaq il-bidliet kollha li hemm bżonn mingħajr telf ta’ żmien, biex ikun minn ta’ quddiem nett.