Kienu kliem ta’ tifħir li ħallew bosta persuni taħt ritratti li tpoġġew fuq il-midja soċjali Facebook. Dan hekk kif tfajla bl-isem ta’ Maxline Bartolo, ħabbret li se tkun qed tagħti għadd ta’ parrokki mingħajr ħlas lil persuni li verament għandhom bżonnhom u dawk li huma każijiet ġenwini. Fuq grupp tas-sbuħija fuq Facebook, Maxline poġġiet numru ta’ ritratti ta’ għadd ta’ parrokki ħdejn xulxin. Spjegat kif minkejja li l-parrokki mhumiex magħmulin minn xagħar vera, iżda hu sintetiku, il-materjal jidher reali u hu ta’ kwalità tajba ħafna.
Sostniet li jekk hemm każ ġenwin lesta li tagħtihom b’xejn sabiex tgħin lil dak li jkun fejn spjegat li importanti li min se jkun qed jieħu dawn il-parrokki, joħodhom għax verament għandu bżonnhom u mhux biex jintużaw għall-karnival jew xi festa simili.
Kienu għexieren ta’ persuni li kkummentaw taħt ir-ritratti b’kliem ta’ tifħir għal ġest nobbli li wettqet din it-tfajla, hekk kif mhux każ komuni li xi ħadd joffri li jagħti mhux parrokka waħda, iżda bosta, mingħajr ħlas bil-għan li jgħin lil ħaddieħor.
Hi kkummentat proprju siegħa wara, fejn filwaqt li rringrazzjat lil dawk kollha li qalulha prosit, sostniet li l-parrokki diġa’ ttieħdu u kollha se jkunu qed jintużaw għal każijiet ġusti.
Maxline Bartolo hi tfajla ta’ 28 sena u li meta kellha erba’ snin ħakmitha l-kundizzjoni magħrufa bħala alopecia li waslitha biex tilfet xagħrha kollu.
Maxline hi tfajla li tixhed il-pożittività u minkejja dak kollu li kellha tgħaddi minnu tul ħajjitha xorta tara kif tara l-aħjar f’kull sitwazzjoni.